Aġġornata (2): Il-Brigadier Martin Xuereb jirriżenja mill-Armata

Waqt li ndirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Manuel Mallia qal li m’hemm xejn kontra l-liġi fil-promozzjoni mogħtija lill-erba’ uffiċjali fl-Armata. Il-Ministru Mallia qal ukoll li nħasset il-ħtieġa li tittieħed azzjoni wara li għal ħafna snin ma sar xejn.

Fil-kummenti tiegħu, Manuel Mallia saħaq li r-riżenja tal-Brigadier Xuereb m’għandha xejn x’taqsam mal-promozzjoni ta’ dawn l-uffiċjali u spjega kif Martin Xuereb kien ikkonsultat dwar il-promozzjonijiet imsemmija.

Fl-aħħarnett il-Ministru Mallia qal ukoll li l-kliem użat mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-erba' kurunelli tal-Armata juri nuqqas ta' maturita' politika li qed turi l-opożizzjoni. 

Intant il-Ministru ħabbar li l-Brigadier il-ġdid se jkun magħżul fil-jiem li ġejjin.

Aktar qabel:

B’reazzjoni għar-riżenja tal-Brigadier Maritin Xuereb, il-Partit Nazzjonalista qal li Xuereb ġie mġiegħel iwarrab postu wara li l-ġimgħa l-oħra 4 Maġġuri fl-Armata ngħataw promozzjoni.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kwartieri tal-Forzi Armati f’Ħal Luqa, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li Xuereb ma kienx persuna kontroversjali u kien ħaqqu jokkupa dik il-kariga.  Kompla jgħid li bl-attitudni tal-Gvern, in-nies naqqset il-fiduċja tagħha fl-armata.

Jason Azzopardi qal li l-aħħar promozzjonijiet li ngħataw f’dawn l-aħħar ġimgħat ma sarux bi proċess demokratiku.

Aktar qabel: 

Il-Brigadier tal-Armata Martin Xuereb irtira mill-Armata u tefa’ ir-riżenja tiegħu.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali ħabbar li Xuereb se jibqa’ jokkupa kariga ċivili hekk kif il-Ministru Manwel Mallia qal li Malta se tibqa’ tgawdi mis-servizzi tiegħu.

Il-Brigadier irringrazzja lil Ministru Manwel Mallia għal dawn l-aħħar sitt xhur. Qal li jinsab ħerqan għall-isfidi ġodda li se jkollu.

Il-Brigadier Xuereb ingħaqad mal-Forzi Armati fit-23 ta’ Lulju 1986.  Fl-2010 ħa f’idejh it-tmun tal-Armata bħala Kmandant wara l-irtirar tal-Brigadier Carmel Vassallo.