Il-Brexit f’idejn Zammit Dimech għall-PPE

L-MEP Francis Zammit Dimech intagħżel bħala l-MEP responsabbli għall-Brexit fil-Kumitat fuq Affarijiet Legali f’isem il-Partit Popolari Ewropew.

Hu se jkun qed jaħdem mal-MEP Elmar Brok, li hu l-kelliem tal-Partit Popolari Ewropew għall-Brexit u membru mill-Brexit Steering Group tal-Parlament Ewropew.

Zammit Dimech qal li beħsiebu jsegwi mill-qrib l-iżviluppi tal-Brexit, b’mod partikolari kif dawn se jaffettwaw liċ-ċittadini Maltin, f’termini ta’ negozji, student li jistudjaw barra, u dawk li jaħdmu fir-Renju Unit.

Skontu, ir-riżenja ta’ Boris Johnson u ta’ 2 ministri qablu f’24 siegħa, jikkonfermaw li l-ħafna wegħdiet  li għamlu dawk li kienu favur il-Brexit ma jistgħux jintlaħqu.

Madankollu jawgura għal ħidma siewja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, li trid tiġi konkluża sa Marzu tal-2019, meta r-Renju Unit ma jibqax jitqies bħala parti mill-UE.