Il-BOV temm it-tibdil fis-sistema tal-IT tiegħu

Read in English.

Bank of Valletta temm l-aġġornament li għamel fis-sistema tal-IT tiegħu. Fi stqarrija, il-bank spjega li biddel is-sistema ewlenija tal-IT tiegħu.

Il-bank kompla jopera fl-1 ta’ Jannar, wara li l-internet banking ma kienx disponibbli għal xi jiem fi tmiem is-sena.

Rick Hunkin, il-Kap Eżekuttiv tal-bank, spjega li bl-implimentazzjoni tal-Programm tat-Trasformazzjoni tal-Qalba tal-Operazzjonijiet Bankarji, il-bank witta t-triq għal bank iżjed b’saħħtu u għal implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ diġitalizzazzjoni komprensiva.

“Il-Programm tal-Core Banking Transformation huwa l-muftieħ għas-sostenibbiltà futura tal-Bank u jsaħħaħ l-abbiltà tiegħu sabiex ikompli jimplimenta inizjattivi innovattivi, kif ukoll sabiex iżid l-effiċjenza operattiva,” spjega Hunkin.

Joseph Agius, il-Kap tat-Teknoloġija tal-BOV qal li l-bank għamel biċċa xogħol kbira u kumplessa. Spjega li, “Dan ma kienx aġġornament sempliċi ta’ sistema żgħira, iżda kien jinvolvi l-waqfien ta’ sistemi bankarji ewlenin, u l-bdil għal sistema bankarja ġdida state-of-the-art.”

“Aħna tassew kburin bl-istaff tagħna li ħadmu bla heda għal sigħat twal ħafna anke matul il-perjodu tal-festi, sabiex jiżguraw li l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida titwettaq bl-inqas inkonvenjent għall-klijenti tagħna”, qal Ernest Agius, Uffiċjal Kap tal-Operat tal-BOV. “Matul l-aħħar 12-il xahar, l-impjegati tagħna attendew taħriġ intensiv ħafna u issa qegħdin isiru aktar familjari mas-sistema l-ġdida.”