Il-BOV se jispiċċa mingħajr bank korrispondenti li joffrilu s-servizzi bid-Dollaru

Read in English.

L-aħħar bank li joffri s-servizzi tiegħu lill-Bank of Valletta bid-dollaru Amerikan se jkun qed ittemm ir-relazzjonijiet tiegħu. Il-kontijiet tal-BOV mal-bank ING se jingħalqu fl-14 ta’ Diċembru.

Il-BOV ħareġ avviż fuq il-Borża ta’ Malta, fejn il-BOV spjega li għaddej b’ħidma biex jinstabu alternattivi mingħajr ma jinħolqu wisq problemi għan-negozju tal-bank u l-klijenti tiegħu.

L-ING qed inaqqas ir-relazzjonijiet ma’ ġurisdizzjonijiet żgħar li jikkunsidra wisq riskjużi u għalhekk ma jkunux wisq ta’ interess għall-banek il-kbar. Fl-2018 il-bank Olandiż kien għamel qbil mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biex iħallas €775 miljun wara ksur tal-liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus.

Iktar tard matul il-jum tat-Tnejn, il-BOV fi stqarrija spjega li d-deċiżjoni ta’ ING għandha titqies f’kuntest fejn il-banek internazzjonali qed inaqqsu s-servizzi bankarji korrispondenti tagħhom mad-dinja kollha.

Il-BOV sostna li din hi parti minn eżerċizzji ta’ tnaqqis ta’ riskji li qed iseħħu fil-qasam bankarju.

Deo Scerri, iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, sostna li l-BOV iqis li huwa kruċjali li jkun hemm netwerk ta’ banek korrispondenti li joffru servizzi f’muniti internazzjonali ewlieni, bħad-dollaru Amerikan. Kompla jgħid li l-BOV qed jagħmel sofrz biex isib arranġamenti alternattivi għat-tranżazzjonijiet li jsiru fid-Dollaru Amerikan.

Huwa qal ukoll li l-BOV bħalissa għaddej minn programm ta’ trasformazzjoni biex jitnaqqas il-profil ta’ riskju. Scerri temm jgħid li l-Bord tad-Diretturi jinsab kunfidenti li dan programm se jippermetti lill-Bank jiżgura relazzjonijiet bankarji korrispondenti alternattivi qabel ma jingħalqu l-kontijiet mal-ING f’Diċembru.