Il-BOV jospita l-Laqgħa ta’ Progress tal-Forum Marittimu Malti

Reċentement, il-membri tal-Forum Marittimu Malti (MMF) iltaqgħu fis-Sala tal-Konferenzi fil-BOV Centre f’Santa Venera għal laqgħa ta’ aġġornament dwar il-progress li sar.
Filwaqt li ta merħba lill-parteċipanti, is-Sur Kenneth Farrugia, Chief Business Development Officer fil-Bank esprima s-sodisfazzjon tal-Bank li kien qed jospita dan l-ewwel avveniment mill-iffirmar tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-MMF. “Il-Forum Marittimu Malti għandu r-rwol importanti li jġib flimkien il-partijiet interessati kollha sabiex      jgħollu l-viżibbiltà ta’ din l-industrija. B’hekk aħna kburin li qed nospitaw dan l-avveniment li jinkludi programm diversifikat ħafna.”
Is-Sur Farrugia spjega li matul is-snin, il-Grupp BOV evolva minn istituzzjoni ta’ kreditu biex sar organizzazzjoni ta’ servizzi finanzjarji mifruxa, billi jipprovdi servizzi speċjalizzati ta’ appoġġ għall-partijiet interessati biex jimmaniġġjaw kemm in-naħa tal-kreditu kif ukoll in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ tagħhom, kif ukoll jiffaċilita r-rekwiżiti bankarji tagħhom permezz tal-firxa ta’ mezzi u prodotti ta’ servizzi bankarji diġitali. “Aħna ninsabu kuntenti ħafna li qegħdin f’pożizzjoni li nistgħu nappoġġjaw b’mod attiv lill-MMF billi noffru kelliema esperti dwar is-suġġetti minn madwar l-organizzazzjoni tagħna, li jistgħu jipprovdu għarfien speċjalizzat dwar oqsma ta’ servizzi fil-Bank li huma rilevanti għall-membri tal-MMF.”
L-immaniġjar tal-portafolji korporattivi u l-pensjonijiet kienu s-suġġett ippreżentat mis-Sur Steve Ellul, Kap tal-BOV Asset Management. Huwa spjega kif dan is-servizz ġie introdott reċentement, minkejja li l-BOV Asset Management, li issa hija sussidjarja kompletament proprjetà tal-Grupp BOV, ilha timmaniġġja b’suċċess il-portafolji individwali sa mill-1994. Is-Sur Ellul ta ħarsa ġenerali lejn kif dawn il-portafolji, immirati lejn klijenti istituzzjonali li għandhom eċċess ta’ likwidità u li qed ifittxu biex jiġġeneraw dħul ogħla mingħajr ma jidħlu f’riskji żejda bla bżonn, huma mmaniġġjati minn tim dedikat ta’ kuljum bil-mandat mogħti mill-klijent rispettiv.
Is-Sur Joe Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-MMF ippreżenta r-rapport ta’ progress tal-ħidma tal-Forum matul l-erba’ xhur ta’ qabel. Fost il-punti ewlenin li ssemmew kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-MMF fil-Konferenza Ministerjali Informali li saret fil-Belt Valletta dwar it-Tkabbir Blu u l-Governanza tal-Oċeani fl-UE kif ukoll dwar l-Innovazzjoni fil-Mediterran u t-Turiżmu Nawtiku. Il-MMF iffirmat ukoll ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-MCAST li se jkun qed iwassal biex ir-relazzjoni eżistenti bejn l-industrija marittima Maltija u l-MCAST issir waħda aktar b’saħħitha. Is-Sur Bugeja għamel referenza għad-diskussjonijiet li jinsabu għaddejjin bejn il-MMF, Transport Malta u l-Mediterranean Maritime Research and Training Centre bil-għan li l-MMF ikun f’pożizzjoni li jniedi kors dedikat f’Novembru li ġej.