Il-BOV jitlef l-appell; ikollu jiffriża €363 miljun

Il-Bank of Valletta tilef l-appell tiegħu fil-Qorti Taljana kontra d-deċiżjoni biex il-Bank iżomm €363 miljun f’sigurtà bħala mandat kawtelatorju fil-każ ta’ Deiulemar. Dan ifisser li l-Bank se jkollu “jiffriża” dan l-ammont bħala sigurtà sakemm jinqata’ l-każ fil-Qorti Taljana  ta’ Torre Annunziata.

Madankollu l-Bank ippreċiża li dan il-każ bl-ebda mod mhu se jolqot lill-klijenti, lill-impjegati jew lil dawk li għandhom xi depożitu miegħu.

F’din il-kawża, il-Bank qed jintalab irodd lura l-valur tal-ishma li kienu tpoġġew fi trust mal-Bank fl-2009 u li jammontaw għal €363 miljun.

Il-Bank spjega kif f’Marzu li għadda, kien poġġa aktar minn €363 miljun f’idejn bank Taljan indipendenti sakemm jinqata’ dan il-każ mill-Qorti.

Il-Bank of Valletta għadu jsostni li t-talba tal-kuraturi tal-kumpanija Deiulemar biex jintraddu lura l-flus hija waħda “infondata” minħabba li l-assi li tpoġġew fit-trust miegħu effettivament ma kienu jiswew xejn.

L-assi in kwistjoni kienu ishma tal-holding kumpanija tal-Grupp Deiulemar, li eventwalment kienet dikjarata falluta. Il-Bank ippreċiża li ma kellu l-ebda assi oħra f’isem il-Grupp.

Sadanittant, il-Bank sostna li qed jieħu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiddefendi l-interessi tiegħu u se jkompli jaħdem b’mod normali u regolari.