Il-BOV jistaqsi dwar l-oriġini tal-flus ta’ xi klijenti

Il-Bank jaf jagħlaq il-kontijiet jekk ma jirċevix tweġiba

Il-Bank of Valletta (BOV) se jkun qed jitlob lil xi klijenti tiegħu biex jispjegaw minn fejn ġejjin il-flus tagħhom. Jekk il-klijenti ma jagħmlux dan jista’ jingħalqilhom il-kont.

Għadd ta’ klijenti tal-BOV diġà bdew jirċievu ittri d-dar li jitolbuhom jipprovdu xi informazzjoni lill-bank.

Kelliema għall-BOV qalet lil Newsbook.com.mt li t-tip ta’ informazzjoni li qed tintalab “hija waħda normali”. Din tinkludi informazzjoni dwar minn fejn ġejjin il-flus, informazzjoni dwar kif jitħaddem il-kont bankarju, u informazzjoni aġġornata fuq il-klijent jew in-negozju.

Jekk il-klijenti ma jweġbux fiż-żmien stipulat jistgħu jispiċċaw bla kont.

Il-BOV ilaqqat ħasla mill-ECB – Reuters

Ilbieraħ l-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Reuters qalet li l-BOV laqqat ħasla mingħand il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB). Dan għaliex il-BOV naqas milli jindirizza r-riskji involuti ma’ eluf ta’ pagamenti. Dan seta’ jiffaċilità attività kriminali. Għall-ewwel il-BOV ma riedx jikkumenta dwar dan. Wara, il-BOV qal li r-rapport kien ibbażat fuq is-sitwazzjoni ta’ sena ilu.

Dwar l-informazzjoni li l-BOV qed jiġbor, il-kelliema qalet li dan qed isir bħala parti minn proċess ta’ trasformazzjoni.

“Parti minn dan il-programm huwa nfatti biex ikun żgur li l-informazzjoni li huwa jżomm għall-klijenti tiegħu hija aġġornata.  Kif taf, il-banek għandhom obligi regolatorji stretti ħafna u dan huwa wieħed mill-proċessi biex niżguraw li l-klijenti, il-bank u stakeholders tagħna huma protetti,” spjegat il-kelliema.

“Jekk il-Bank ma jirċivix l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat, jistgħu jittieħdu azzjonijiet per eżempju jiġi llimitat l-użu tal-kont bankarju.  Jista’ jkun il-każ ukoll, li l-Bank ikollu jittermina r-relazzjoni tiegħu mal-klijent.  Dan kollu f’ambitu ta’ regolamenti u obligi iktar strinġenti li għandu l-Bank.”

“Nifhmu li dan jaf ikun inkonvenjent għall-klijenti, pero qed nippruvaw nillimitaw dan l-inkonvenjent kemm nistgħu, permezz ta’ helpdesk speċifiku biex jgħin lill-klijenti b’rabta ma’ dan il-proġett.  Qedgħin ukoll nibgħatu self-addressed envelope biex il-klijenti kemm jista’ jkun ma jkollhomx għalfejn imorru l-fergħa tal-bank, imma kemm jimpustaw l-informazzjoni meħtieġa.  Għandna wkoll iktar informazzjoni fuq il-websajt tal-bank https://www.bov.com/Faq/bov-rfi

Reċentament, il-BOV ċaħad li qed jagħlaq il-kontijiet ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija taħt l-iskema tal-investitur privat.

Il-BOV jiċħad li qed jagħlaq kontijiet ta’ min jixtri passaport Malti