Il-BOV jirrikonoxxi studenti tal-inġinerija

Christan Grech u Raisa Chetcuti huma l-ewwel rebbieħa tal-premju tal-BOV għall-Istudenti tal-Inġinerija.
Dan il-premju tnieda s-sena l-oħra bħala parti integrali mis-sħubija kollaborattiva tal-Bank mal-Kamra tal-Inġiniera, bil-premju jieħu l-forma ta’ għotja li tingħata lill-istudenti tal-inġinerija, li fil-proġetti tas-sena finali tagħhom, ikun wrew eċċellenza u innovazzjoni fl-oqsma tal-istudji rispettivi tagħhom.
Fl-introduzzjoni qasira tiegħu, l-Inġ. Norman Zammit, il-President tal-Kamra qal li l-inġinier huwa l-katalist tal-bidla. Huwa tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Kamra, li taqbel ma’ dik tal-pari Ewropej tagħha, fir-rigward tal-ġlieda bejn il-formazzjoni vokazzjonali u akkademika tal-inġiniera.
L-Inġ. Zammit enfasizza li l-formazzjoni tal-inġinier għandha tkun permezz ta’ rotta akkademika, li tkompli tiġi ssostanzjata bl-esperjenza wara l-gradwazzjoni. Huwa qal li huwa biss b’dan il-mod li l-inġinier jista’ jitħejja biex isolvi l-problemi ta’ għada.