Il-BOV jirreġistra qligħ ta’ €13.8 miljun għall-ewwel sitt xhur tal-2020

Read in English.

It-tnaqqis ekonomiku minħabba l-Pandemija COVID-19 kellu impatt fuq il-qligħ tal-Grupp BOV – Il-Bank huwa u se jibqa impenjat bis-sħiħ biex jagħti l-appoġġ lill-klijenti tiegħu biex jirkupraw minn diffikultajiet finanzjarji.

ĦARSA FINANZJARJA

Fl-ewwel sitt xhur tal-2020, il-Grupp Bank of Valletta qed jirrapporta qligħ qabel it-taxxa ta’ €13.8 miljun (2019 – €54.3 miljun) li jirrappreżenta redditu annwalizzat fuq ekwità (qabel it-taxxa) ta’ 2.64%. It-tnaqqis fil-profitt huwa riżultat tal-pandemija COVID-19 li affettwat il-linji kollha tan-negozju tal-Bank, kif ukoll minħabba numru ta’ inizjattivi ta’ tnaqqis tar-riskju li intensifikaw fix-xhur li għaddew. Ir-riżultati għal dan il-perjodu jinkludu wkoll impatti minn numru ta’ oqsma oħra, inkluż tnaqqis akbar fil-prezz (deprezzament akbar) fuq investimenti ġodda tal-IT, spejjeż relatati ma’ pagi u riżorsi umani , hekk kif il-Bank investa iktar fir-riżorsi umani fil-qasam tar-riskju u tal-Compliance, u tnaqqis mistenni fil-kambju u d-dħul mill-kummissjonijiet li rriżultaw minn inizjattivi ta’ tnaqqis tar-riskju li twettqu matul l-aħħar 12-il xahar.

Id-dħul nett mill-imgħax, li jibqa is-sors ewlient tad-dħul għall-Grupp, ammonta għal €72.3 miljun, €5.3 miljun inqas mid-dħul reġistrat tul l-istess perjodu fl-2019. L-ambjent ta’ rati ta’ imgħax baxxi jew fin-negattiv, Risk Appetite konservattiv, opportunitajiet limitati ta’ investiment flimkien ma’ livelli ogħla ta’ likwidità, li fuqhom iridu jitħallsu l-imgħaxijiet, irriżultaw fi tnaqqis fil-qligħ mill-portafoll tal-investimenti tal-Bank. Id-domanda għall-kreditu kienet relatata primarjament ma’ nuqqasijiet ta’ likwidità li ġabet magħha l-pandemija COVID-19. Matul dan il-perjodu, id-domanda għas-self għad-djar kienet aktar baxxa, meta mqabbla mas-snin ta’ qabel u dan huwa attribwit l-aktar għall-imġieba tal-konsumaturi li ġiet affettwata minn din il-pandemija.

Il-qligħ mill-kummissjonijiet u mill-kummerċ ammontaw għal €37.0 miljun, 19% inqas mill-ewwel sitt xhur tal-2019. It-tnaqqis ekonomiku kkawżat minn COVID-19 kellu effett negattiv fuq id-dħul mill-kummissjonijiet, speċjalment dawk relatati man-negozju tal-Cards u Pagamenti kif ukoll minn prodotti relatati mal-investimenti. Id-dħul mit-tranżazzjonijiet tal-kambju kellu impatt negattiv ukoll.

Il-programm ta’ Tnaqqis tar-Riskju u l-eżekuzzjoni tiegħu għaddej b’pass mgħaġġel u waqt li l-Bank qed jirreġistra dħul aktar baxx, kif kien mistenni, peress li l-Bank qed itemm relazzjonijiet ma’ xi klijenti u linji ta’ negozju li jaqgħu barra mir-Risk Appetite tiegħu, dan qed itejjeb il-pożizzjoni tal-Bank f’termini ta’ riskju u s-sostenibbiltà fit-tul.

L-ispejjeż totali tal-operat fl-ewwel nofs tas-sena żdiedu bi €8.2 miljun għal €89.50 miljun. Din iż-żieda hija attribwita għall-ispejjeż tal-IT relatati mas-sistema tal-Core Banking ġdida li addottajna fil-bidu tas-sena, kif ukoll żieda fl-ispejjeż ta’ pagi  prinċiparjament minħabba reklutaġġ fl-oqsma tar-Riskju u l-Compliance. Kien hemm ukoll spejjeż professjonali involuti fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ trasformazzjoni li għaddej flimkien ma’ diversi inizjattivi immirati lejn it-tnaqqis tal-profil tar-riskju tal-Bank.

Fil-valutazzjoni tal-impairment charge għal-dawn is-sitt xhur, ingħatat konsiderazzjoni xierqa għall-impatt mistenni relatat mal-COVID-19, speċjalment meta ħloqna xenarji għal-ġejjieni kif ukoll telf ta’ kreditu mistenni f’setturi ta’ riskju għoli. It-telf mistenni mis-settur tal-kreditu huwa sensittiv ħafna għal suppożizzjonijiet u, bħal fi kwalunkwe tbassir ekonomiku, huwa suġġett għal inċertezzi speċjalment fiċ-ċirkostanzi attwali li jibqgħu fluwidi ħafna. In-Net Impairment Charge ta’ €7.5 miljun tinkludi madwar €10.0 miljun li huma attribwiti prinċipalment għal COVID-19. Din iċ-ċifra tinkludi irkupri qawwija minn djun tal-passat li kienu saru provvedimenti għalihom.

Il-Grupp għandu likwidità għolja ħafna, bil-flus kontanti u l-fondi għal terminu qasir jiżdiedu b’ €178.3 miljun (4.3%) matul dawn is-sitt xhur. Id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’aktar minn €500 miljun mill-bidu tas-sena finanzjarja u laħqu l-€11.1 biljun fi tmiem Ġunju 2020. Is-self żdied b’ €91 miljun minn Diċembru 2019, rata ta’ tkabbir annwalizzata ta’ 4%, u tela’ għal €4.7 biljun fit-30 ta’ Ġunju 2020.

RISPONS GĦALL-COVID-19

Mill-bidu nett tal-pandemija, il-Bank iffoka fuq il-ħarsien u l-appoġġ tal-impjegati u l-klijenti tiegħu minkejja diversi sfidi li ġabet il-pandemija fuq diversi fronti:

  • It-twaqqif ta’ Incident Management Team li kontinwament kien jivvaluta is-sitwazzjoni u jimplimenta miżuri preventivi u ta’ mitigazzjoni. It-Tim segwa mill-qrib u implimenta miżuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali biex jiżgura l-ogħla livell ta’ saħħa u sigurtà għall-klijenti u l-impjegati;
  • Tnediet l-iskema ta’ Assistenza COVID-19, li permezz tagħha tajna self ta ‘l fuq minn €140 miljun b’rati ta’ imgħax  attraenti lil kważi 200 klijent li qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta’ likwidità;
  • Moratorja mogħtija lil aktar minn 2,900 klijent, li 70% minnhom huma klijenti tan-negozju bl-imnut;
  • Tnieda il-BOV Assist Team, tim speċjalizzat li joffri servizzi bankarji permezz ta’ mezzi diġitali, bl-email, u video u telephone conferencing.
  • Aktar minn nofs il-ħaddiema kellhom l-opportunità jaħdmu b’mod sikur mid-dar tagħhom, b’mod partikolari l-impjegati vulnerabbli u l-ġenituri li jaħdmu;
  • Intensifika t-tindif u sanitizzazzjoni tal-impjegati u postijiet li jilqgħu lill-klijenti, uffiċċji, l-arja kondizzjonata kif ukoll gew installati screens protettivi installati f’żoni fejn jinqdew il-klijenti.
  • Ippromwova l-użu ta’ mezzi diġitali u ffaċilita l-użu tagħhom permezz ta’ żidiet fil- limiti; u
  • Tnediet il-BOV Safe@home, skema ta’ ħolqien ta’ inizjattivi edukattivi u kulturali mmirata l-aktar lejn l-assistenza lill-ġenituri u lil uliedhom matul il-perjodu li fih kellhom joqogħdu d-dar.

Huwa u jikkumenta dwar dawn ir-riżultati, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Rick Hunkin qal “Flimkien mal-bqija tad-dinja, dawn huma żminijiet ta’ prova għal Malta u għall-Bank of Valletta u qegħdin nilqgħu din l-okkażjoni billi nappoġġjaw in-negozji, il-klijenti u l-komunità tagħna. Peress li COVID-19 affettwat is-setturi ekonomiċi lokali kollha, l-impatt fuq il-Grupp BOV kien inevitabbli. Madankollu, se noħorġu minn din is-sitwazzjoni flimkien u bħala l-bank ewlieni ta’ Malta aħna impenjati li nkomplu nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna biex ngħinu lill-ekonomija Maltija tirkupra u tirnexxi mill-ġdid.”

STRATEĠIJA GĦALL-ĠEJJIENI

Il-Bord tad-Diretturi u t-Tim Eżekuttiv kienu mpenjati bis-sħiħ biex jistabbilixxu approċċ strateġiku ġdid għall-Grupp BOV li jirriżulta f’Bank aktar effiċjenti, aktar iffokat fuq avvanzi diġitali u immirat lejn il-klijent. Dan il-proċess, tmexxa minn wara l-kwinti tul diversi xhur mit-Tim Eżekuttiv immexxi mis-Sur Hunkin. Iċ-Ċermen interim tal-Bank, Alfred Lupi kkummenta li “Matul l-aħħar ftit snin, l-industrija bankarja kienet għaddejja minn tibdil sostanzjali. Tliet fatturi kritiċi li qed jiffurmaw il-mudelli operattivi l-ġodda tal-banek huma: il-mewġa ta’ bidliet regolatorji li jolqtu kull aspett tal-operat tagħna, rati ta’ imgħax baxxi li wasslu għal żieda fl-ispejjeż relatati mad-depożiti, kif ukoll iż-żieda fl-aspettattivi tal-klijenti mill-mezzi diġitali. Wettaqna analiżi bir-reqqa tal-ambjent tan-negozju tagħna u kkunsidrajna l-bidla drammatika fl-imġieba tal-klijenti u l-aspettattivi tagħhom minn min jipprovdi servizzi finanzjarji. Ninsab fiduċjuż li r-reviżjoni tal-istrateġija tal-BOV mhux biss se twassal għal titjib notevoli fis-sodisfazzjon tal-klijenti u tal-impjegati, iżda se twassal ukoll għal prestazzjoni finanzjarja aħjar, u tkompli tibni fuq pożizzjoni ta’ riskju u governanza aktar b’saħħitha. Wara l-COVID, aħna wkoll nistennew li nkunu nistgħu nuru redditu aktar pożittiv u stabbli għall-azzjonisti tagħna.”

Is-Sur Hunkin żied jgħid li “l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-BOV miexja ‘l quddiem u ninsabu kuntenti li qed immexxu programm ta’ inizjattivi li permezz tagħhom se nittrasformaw il-Bank of Valletta f’istituzzjoni aktar effiċjenti, aktar diġitali u Bank aktar iffokat fuq il-klijent.”

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex twettaq in-negozju tas-servizzi bankarji u ta’ investiment skont l-Atti tas-Servizzi Bankarji u ta’ Investiment (Kap.370, 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).