Il-BOV jilbes ir-‘Roża’ matul ix-xahar ta’ Ottubru

Il-Bank of Valletta qed jippromwovi b’mod attiv il-kampanja Pink October matul dan ix-xahar, fi sforz biex jappoġġja l-inizjattivi li qed tmexxi l-Fondazzjoni MarigoldBOV in the Community biex titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider, filwaqt li jinġabru l-fondi biex jgħinu lill-pazjenti tal-kanċer.
Il-postijiet ewlenin tal-organizzazzjoni, inkluż il-faċċata tal-BOV Centre f’Santa Venera, il-post il-ġdid tal-bank fil-Gżira u l-fergħa prinċipali fir-Rabat, Għawdex inxtegħlu bid-dawl roża. Barra minn hekk, l-impjegati kollha madwar l-organizzazzjoni ngħataw lapel pin ddisinjata b’mod speċjali, biex tintlibes matul dan ix-xahar. Illum il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru, ġiet organizzata ġurnata ‘dress down’ fil-bank. L-impjegati kollha rrapportaw għax-xogħol lebsin b’mod każwali, filwaqt li għamlu donazzjoni nominali għal din il-kawża. Il-klijenti li qed jidħlu fil-fergħat tal-Bank ingħataw sorpriża roża ħelwa biex jiġi mfakkar dan l-avveniment, u jiġu mistiedna jikkontribwixxu għal din il-kawża. Id-donazzjonijiet kollha miġbura se jingħataw bħala donazzjoni lill-kampanja Pink October. Aktar tard, il-bank se jkun qed jorganizza t-tieni kampanja tiegħu għal din is-sena tad-donazzjonijiet tad-demm.
Bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, il-kawża primarja tal-imwiet relatati mal-kanċer fin-nisa f’Malta, b’aktar minn 300 jiġu ddijanjostikati kull sena, il-bank qed juża wkoll il-portal tal-intranet tiegħu biex jipprovdi lill-impjegati tiegħu b’informazzjoni dwar l-awtoeżaminazzjoni, u dwar l-importanza ta’ dijanjożi bikrija u skrinjar regolari.
Meta tkellem dwar l-inizjattiva, Charles Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta qal, “Din hija t-tielet sena li l-bank qed jippromwovi lPink October fl-organizzazzjoni. L-inizjattivi qed jiġu organizzati b’għan doppju. Min-naħa waħda, irridu nappoġġjaw l-isforzi li qed isiru minn ħafna persuni u organizzazzjonijiet biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tad-detezzjoni minn kmieni u dwar it-trattament fil-ħin. Min-naħa l-oħra, irridu nwasslu l-messaġġ lil kemm jista’ jkun nies possibbli. Aħna żidna l-isforzi tagħna bil-għan li nilħqu aktar nies, u nuruhom kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom.” Is-Sur Azzopardi kkummenta, “L-organizzazzjoni tagħna hija virtwalment komunità f’komunità. Aħna nħossu li huwa importanti għalina li ninvolvu lilna nfusna f’tali inizjattivi li jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet importanti bħall-Kampanja Pink October, li mhux biss tiffoka fuq il-ġbir tal-fondi imma wkoll fuq il-ġenerazzjoni ta’ aktar sensibilizzazzjoni dwar dan is-suġġett.”