Il-BOV jiċħad li qed jagħlaq kontijiet ta’ min jixtri passaport Malti

Uffiċjal ikkwotat jgħid il-kontra ta' li qed jgħid il-BOV

Read in English.

Il-Bank of Valletta (BOV) ċaħad li qed jagħlaq il-kontijiet ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija taħt l-iskema tal-investitur privat.

Filwaqt li l-BOV qal hekk, il-ġurnal The Malta Business Observer ikkwota uffiċjal tal-bank li qal li huwa minnu li qed jingħalqu kontijiet ta’ dawn il-klijenti tal-bank.

Ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-BOV qalet li dan “ma hu veru xejn”.

“Kif ħabbarna kemm-il darba, il-Bank qed jagħlaq kontijiet ta’ kumpaniji u persuni li ma jidħlux fil-parametri tar-Risk Appetite tal-Bank. Dawn jistgħu jinkludu wkoll persuni li ħadu ċ-ċittadinanza taħt l-IIP. F’dal-każ il-kont ikun ingħalaq mhux għax ħadu ċ-ċittadinanza skont din l-iskema, imma għax ma jidħlux fil-kriterji tar-Risk Appetite tal-Bank, li ġie rivedut riċentement,” qalet il-kelliema.

Ilbieraħ, l-istorja fuq il-faċċata ta’ The Malta Business Observer kienet ibbażata fuq intervista ma’ Money Laundering Reporting Officer (MLRO) tal-BOV. L-uffiċjal ma riedx jiżvela ismu.

“Kategorija oħra ta’ klijenti li ngħalqulhom il-kontijiet mill-BOV huma persuni li xtraw l-IIP, li jkunu ġew Malta u fetħu kont mal-bank fil-proċess tal-akkwist ta’ passaport Malti, però m’għandhomx sustanza ekonomika identifikabli ma’ Malta,” qal il-MLRO.

L-uffiċjal qal ukoll li l-bank ma jaċċettawx klijenti b’cryptocurrency dealings għax dan mhux konforma mar-regoli tal-bank.

F’Settembru faqqa’ skandlu ieħor b’rabta mal-iskema tal-IIP. Filmat b’kamera moħbija, juri żewġ aġenti Maltin tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jiftaħru dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ ministri tal-Gvern. Fil-programm investigattiv Franċiż bl-isem Enquête exclusive l-aġent Malti ftaħar bil-ħbiberija tiegħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli.

Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern