Il-BOV jġedded is-sapport lill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Bank of Valletta u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija ġeddew b’mod uffiċjali l-ftehim ta’ kollaborazzjoni għat-tliet snin li ġejjin. Matul dan il-perjodu, iż-żewġ entitatijet se joffru s-sapport konġunt tagħhom lill-komunità Għawdxija tan-negozjanti.
Dan il-ftehim ġie ffirmat minn Charles Borg, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta u Michael Grech, President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija. 
Charles Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tiġdid ta’ kollaborazzjoni li tmur lura aktar minn għaxar snin.  Qal li “dan il-ftehim jagħti xiehda tanġibbli tal-impenn tal-Bank sabiex jgħin fl-iżvilupp ekonomiku u infrastrutturali f’Għawdex”. 
Żied li “aħna kuntenti bl-opportunità li nagħtu sapport lill-Kamra tal-Kummerċ bil-għan li jkun iġġenerat aktar tkabbir ekonomiku f’din il-gżira”.
Waqt li rrikonoxxa l-valur tas-sapport kontinwu min-naħa tal-Bank of Valletta, Grech qal li “aħna ninsabu kuntenti li se nkomplu bis-sħubija tagħna mal-Bank of Valletta.  Nemmen li dan il-ftehim se jkun ta’ benefiċċju għall-komunità tan-negozji f’Għawdex.  Qed inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu naħdmu mill-viċin mal-Bank fuq opportunitajiet varji.”
Imwaqqfa fl-1999, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tippromwovi l-interessi tal-operaturi ta’ negozji f’Għawdex.
Artikli kummerjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt