Il-BOV jerġa’ jiftaħ l-uffiċċji għall-klijenti

Il-Bank of Valletta jixtieq jinforma lill-klijenti tiegħu li minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju 2020, se jkun qed jerġa’ jiftaħ numru ta’ uffiċċji għal-laqgħat ma’ klijenti permezz ta’ sistema ta’ appuntamenti sabiex jiżgura ambjent sikur u kkontrollat.

Iċ-Ċentri ta’ Investiment u l-Wealth Management Unit tal-Bank of Valletta se jerġgħu jiftħu l-bibien għal laqgħat mal-klijenti tagħhom. Il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-Ċentri se jerġgħu lura għall-iskeda ta’ qabel il-COVID, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00 am sal-4.00 pm.

“Fid-dawl tal-iżviluppi pożittivi fix-xenarju lokali COVID-19 u peress li dawn iċ-Ċentri ġew mgħammra b’miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għas-saħħa tal-klijenti u tal-impjegati, nistgħu nibdew innaqqsu l-miżuri li kienu fis-seħħ u nerġgħu nibdew nilqgħu l-klijenti f’dawn iċ-Ċentri,” qal ic-Chief Business Officer tal-BOV, Kenneth Farrugia. “Matul dawn l-aħħar xahrejn, iċ-Ċentri tagħna komplew jaqdu lill-klijenti permezz tat-telefon, l-email u video conferencing. Irrispettivament mill-isfidi li ħolqot din il-pandemija, fosthom li ma ppermettitx li niltaqgħu wiċċ imb’ wiċċ mal-klijenti, kuntent ngħid li bil-ħila tal-impjegati tagħna, il-Bank kompla joffri s-servizzi ta’ konsulenza dwar l-investiment lill-klijenti tiegħu.”

Klijenti li jixtiequ jagħmlu appuntament mal-Konsulent Finanzjarju tagħhom jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu wieħed mill-BOV Investment Centres: Bir id-Deheb 2275 1377, Gżira 2275 1349, Mosta 2275 1334, Ħal Qormi 2275 1314, Il-Belt Valletta 2275 1315, Għawdex 2275 1324 jew jibgħatu email fuq bovic@bov.com. Il-Wealth Management jista’ jiġi kkuntatjat fuq 2275 1133 jew bovwm@bov.com. Il-klijenti jistgħu ukoll jagħmlu appuntament online billi jidħlu fuq dan il-link.

Il-klijenti li jżuru dawn iċ-Ċentri huma ġentilment imfakkra biex isegwu l-linji gwida tal-awtorità tas-saħħa lokali, jilbsu maskri jew face-visors trasparenti u jużaw is-sanitisers provduti f’dawn iċ-Ċentri.

Għal dawk il-klijenti li jkunu jixtiequ jinqdew mill-kumdità tad-dar jew tal-uffiċċju tagħhom, il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll b’mod diġitali permezz tat-telefon jew video conference.