Il-BOV jagħlaq il-fergħa taż-Żurrieq u jiftaħ tal-Gżira u l-Marsa

Aġġornat 05:21 PM

Read in English.

Il-Bank of Valletta ħabbar li minn nhar l-Erbgħa li ġej, il-fergħat tal-Gżira u tal-Marsa se jerġgħu jinfetħu, filwaqt li l-fergħa taż-Żurrieq se tagħlaq b’mod temporanju minn nhar l-Erbgħa.

Il-fergħa taż-Żurrieq se tagħlaq għax wieħed mill-impjegati qabdu l-coronavirus. Il-fergħa issa għandha tiġi diżinfettata. Il-faċilità tan-Night Safe ta’ din il-fergħa għalissa mhux ha tkun disponibbli.

Il-fergħat tal-Gżira u tal-Marsa kienu temporanjament magħluqin wara li terzi persuni rriżultaw pożittivi għall-COVID-19.

Il-bank imbagħad qabbad speċjalisti fil-kontroll tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet sabiex jiddiżinfettaw il-fergħat. L-awtoritajiet tas-saħħa taw il-konferma tagħhom li l-fergħat huma siguri sabiex jinfetħu mill-ġdid.

Apparti dawn il-fergħat, dawk ta’ Ħal Qormi u ta’ Ħaż-Żabbar jinsabu magħluqin minħabba l-coronavirus ukoll.

Il-klijenti huma mħeġġa li qabel iżuru fergħa tal-BOV, jiċċekkjaw jekk il-fergħa tagħhom ġietx milquta fuq is-sit tal-bank.