Il-BOV jappoġġja t-23 Konferenza Annwali tal-Kamra tal-Inġiniera

Il-Bank of Valletta ta s-sapport tiegħu lill-konferenza annwali organizzata mill-Kamra tal-Inġiniera.  Il-konferenza ta’ din is-sena, li qed issir fi SmartCity Malta qed tiffoka fuq l-isfidi u l-opportunitajiet fis-setturi tal-enerġija u t-trasport.
Waqt id-diskors tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Inġiniera, l-Inġ Norman Zammit, beda billi għamel referenza għat-trasport. Huwa stqarr li permezz tal-Politika tal-Iżvilupp Sostenibbli, il-Gvern għandu jaħdem flimkien mas-settur privat bil-għan li jipprovdu Smart Travelling.  Dan huwa rifless fil-bżonn li jiġi provdut vjaġġar effiċjenti u modern li jirrispetta kemm l-ambjent kif ukoll l-aspett soċjali.
Huwa spjega li l-istrateġija għandha tfittex mhux biss li jkun hemm disinni ta’ toroq u aċċessibbilità tajba għal pajjiżna, iżda wkoll li tipprovdi opportunitajiet ta’ vjaġġar sostenibbli u  tal-aqwa kwalità.  Dan ifisser immaniġjar effettiv tal-aċċess u l-mobilità li tipprovdi lil min juża t-toroq tagħna b’għażla ta’ modi ta’ aċċess, infrastruttura li tagħmel l-aċċess wieħed faċli u twassal għal ambjent li hu pjaċevoli biex tgħix u taħdem fih.
Fuq is-suġġett tal-enerġija, l-Inġ Zammit irrimarka fuq proposti li kienu saru fil-passat dwar l-installazzjoni ta’ pajp tal-gass bejn Malta u Sqallija.  Qal li Sqallija għandha numru kbir ta’ riservi tal-gass li jistgħu jintużaw u dawn jippermettu lil Malta tmur lil hinn mill-użu tal-heavy fuel oil.  Huwa rrimarka b’sodisfazzjon li x-xogħol fuq il-pajp tal-gass reġa’ beda.
Inġ Zammit saħaq li l-użu tal-gass naturali m’għandux ikun is-soluzzjoni waħdanija għall-problemi ta’ Malta fl-enerġija. 
“F’Malta qed niffukaw primarjament fuq sistemi fotovoltajċi, peress li l-għażla tal-irziezet tar-riħ twarrbet minħabba l-impatt ambjentali.  Il-pajjiż għandu bżonn jesplora aktar fuq l-esplojtazzjoni tal-ibħra li jdawruna permezz tal-użu ta’ ġeneraturi tal-mewġ u turbini fil-baħar li jużaw l-istess kurrenti tal-baħar”.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi.
Sa mill-1978, il-Kamra tal-Inġiniera kienet assoċjazzjoni vibranti u professjonali fit-tmexxija tagħha nnifisha, billi ssodisfat il-mandat mogħti lilha mill-Att tal-Inġinerija f’dak li għandu x’jaqsam mal-Professjoni tal-Inġiniera lokali.  Ir-relazzjoni kontinwa bejn il-Kamra mal-assoċjazzjonijiet Ewropej, universitajiet, l-industrija u l-gvern, tgħin sabiex jiżdied l-għarfien u l-informazzjoni fuq l-impatt tal-inġinerija fuq is-soċjetà inġenerali.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt