Il-BOV jappoġġja l-Festival Internazzjonali tal-Arti bl-isem Żigużajg

Il-Bank of Valletta qed jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Festival tal-Arti bl-isem Żigużajg, li din is-sena se jkun qed jara madwar 16,000 tifel u tifla u ġenituri jsegwu 29 prestazzjoni minn 12-il pajjiż differenti.
Meta tkellem dwar l-evoluzzjoni ta’ dan il-Festival, li issa jinsab fil-ħames sena tiegħu, Toni Attard, id-Direttur tal-Festival, qal li “Żigużajg huwa ffukat biex ikun pjattaforma kreattiva li titfa’ l-arti kreattiva fiċ-ċentru tal-attenzjoni u tagħmilha aċċessibbli u attraenti għat-tfal u ż-żgħażagħ. Aħna dan nagħmluh billi niddisinjaw programm artistiku inklussiv li juri l-arti professjonali f’dixxiplini diversi f’livell għoli ta’ eċċellenza.”
Din is-sena, Żigużajg se jkun qed jikkollabora ma’ CHOGM Malta 2015 biex jippreżenta artisti minn firxa ta’ pajjiżi tal-Commonwealth.
Il-festival ta’ din is-sena jinkludi spettru ta’ produzzjonijiet li huma mmirati lejn tfal u żgħażagħ li għandhom sa 16-il sena.
Il-Festival tal-Arti Żigużajg se jkun qed jittella’ bejn is-16 u t-22 ta’ Novembru 2015. Għad-dettalji kollha tal-programm u l-biljetti, wieħed jista’ jżur is-sit web www.ziguzajg.org.