Il-BOV jagħlaq 5 fergħat temporanjament

Il-Bank of Valletta ħabbar li se jagħlaq ħames fergħat temporanjament biex jitnaqqas it-tixrid tal-coronavirus.

Il-fergħat ta’ Birżebbuġa, tal-Ħamrun, ta’ Ħal Luqa, ta’ Tas-Sliema u tal-Mellieħa se jingħalqu minn nhar it-Tnejn ‘il quddiem.

Dan qed isir sabiex jitnaqqas il-kuntatt dirett. Sadanittant, 28 fergħa u aġenzija tal-Bank se jibqgħu miftuħin għall-pubbliku madwar Malta u Għawdex.

L-ATMs u l-faċilitajiet tan-Nightsafe Deposits li jinsabu mal-fergħat magħluqin se jibqgħu jaħdmu normali. Il-BOV fakkar lill-klijenti li ġbid u depożiti ta’ flus u ċekkijiet jistgħu jsiru permezz tal-ATMs, filwaqt li pagamenti jistgħu jsiru permezz tal-BOV Cards, BOV Pay jew BOV Mobile to Mobile Payments. Il-BOV Internet Banking u l-BOV Mobile jistgħu jintużaw għal pagamenti u ħtiġijiet bankarji oħra. Għall-ħtiġijiet bankarji oħra, il-klijenti jistgħu jinqdew ukoll permezz tal-email u telefonati.

Il-fergħat tal-BOV li ġejjin huma miftuħin mid-9am sa 12pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa: Malta – Ħ’Attard, Balluta, Birkirkara, Buġibba, il-Furjana, il-Gżira, Marsa, Marsaskala, Mosta, l-Imqabba, Naxxar, Raħal Ġdid, Rabat, San Ġwann, San Pawl Il-Baħar, Santa Venera, is-Siġġiewi, San Ġiljan, Tal-Ibraġġ, il-Belt Valletta, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbug, iż-Żejtun, u ż-Żurrieq. F’Għawdex – ir-Rabat, ix-Xagħra, is-Sannat, in-Nadur.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn