Il-BOV Investment Funds imnedija fuq is-suq

Il-BOV Asset Management nediet tliet fondi kuntrattwali fuq is-suq. Il-Kumpanija qed tagħmel dan għall-ewwel darba, u l-għan huwa li tipproponi mezz ta’ investiment bi spejjez aktar baxxi, biex b’hekk toffri valur aħjar lill-investituri.
Il-firxa ta’ BOV Investment Funds tinkludi tliet fondi ta’ portafoll – il-BOV Conservative Portfolio Fund, il-BOV Balanced Portfolio Fund u l-BOV Growth Portfolio Fund – li lkoll huma regolati mid-Direttiva tal-UCITS.
Filwaqt li introduċa l-BOV Investment Funds, Romeo Cutajar, Uffiċjal Kap tas-Servizzi ta’ Investiment fil-Bank of Valletta spjega li, “Fil-BOV, aħna dejjem infittxu li nqiegħdu fis-suq prodotti u servizzi innovattivi li jkunu mmirati lejn il-klijenti tagħna. Ninsabu ħerqana ħafna dwar il-BOV Investment Funds li qed inniedu, għaliex jirrappreżentaw alternattiva ġdida ta’ investiment għall-konsumatur, b’adattatament għaċ-ċirkustanzi finanzjarji matul il-ħajja tal-klijent individwali, u jistgħu jiġu mmodifikati biex jissodisfaw iċ-ċirkostanzi ta’ dak l-individwu hekk kif jinbidlu matul is-snin.”
Cutajar spjega, “Dan huwa kunċett ġdid f’ħafna aspetti. L-ewwel u qabel kollox, qed inniedu tliet fondi ta’ portafoll fl-istess ħin sabiex nindirizzaw livelli differenti ta’ riskju immirati lejn profili ta’ riskju distinti.” Huwa qal ukoll li, “Il-BOV Investment Funds huma l-ewwel fondi ta’ investiment ta’ dan it-tip f’Malta, fejn għal kull portfolio fund qed jiġi stabbilit livell ta’ volatilità massima. Minkejja li t-tliet fondi jaħdmu b’mod simili, l-element ta’ riskju, u bl-istess mod il-gwadann, jiżdied hekk kif wieħed jimxi mill-Conservative Portfolio Fund għall-Balanced Portfolio Fund u finalment għall-Growth Portfolio Fund. It-tim tal-BOV Asset Management li jħaddem il-Fondi b’mod attiv joffri esperjenza vasta u diversi sinerġiji. Dan it-tim se jkun qed jevalwa l-Fondi b’mod kostanti, sabiex jiżgura li fl-ebda ħin il-volatilità ta’ kwalunkwe Fond partikolari ma taqbeż il-limitu predeterminat.”
Mark Agius, Kap Eżekuttiv tal-BOV Asset Management, spjega li l-BOV Investment Funds joffru benefiċċji importanti għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. “Wieħed jista’ jinvesti fi kwalunkwe portfolio fund imħaddem bħala UCITS b’investiment minimu ta’ €5,000. Barra minn hekk, fittixna li nżommu l-istruttura tal-ispejjeż f’livell minimu, u fil-fatt ma hemm l-ebda ħlas biex tinvesti jew biex toħroġ mill-portfolio funds. B’dan il-mod, irridu niżguraw li nimmassimizzaw il-qligħ għall-investituri.”
Il-klijenti li jkunu interessati jiksbu aktar tagħrif dwar il-firxa ta’ BOV Investment Funds u l-mod kif jaħdmu jistgħu jistaqsu fi kwalunkwe fergħa tal-BOV jew f’wieħed miċ-Ċentri ta’ Investiment tal-Bank.
Il-mistoqsijiet jistgħu jiġu indirizzati wkoll lil BOV Asset Management fuq 2122 7311 jew billi tintbagħat posta elettronika fuq infoassetmanagement@bov.com.