Il-BOV iniedi pakkett finanzjarju għall-gradwati

Il-Bank of Valletta għażel ix-xahar ta’ Novembru, sinonimu maċ-ċelebrazzjonijiet tal-istudenti li jiggradwaw mill-istudji tagħhom, biex iniedi pakkett ta’ benefiċċji finanzjarji għall-gradwati.
Il-BOV Graduates Package huwa mmirat lejn studenti li jkunu temmew l-istudji tagħhom, u li jkollhom il-ħsieb li jibdew jaħdmu full-time, li jibdew in-negozju tagħhom stess jew li jkomplu bl-istudji tagħhom.
“Dan il-Pakkett jiġbor fih dawk is-servizzi bankarji li wieħed ikun jeħtieġ f’dan l-istadju f’ħajtu. Huwa ddisinjat bħala l-pass li jmiss wara l-BOV Club Package, u jinkorpora s-servizzi bankarji u finanzjarji li l-gradwati l-ġodda jkunu jeħtieġu, minn soluzzjonijiet bankarji effiċjenti ta’ kuljum għal soluzzjonijiet finanzjarji u għażliet ta’ investiment,” spjega Karl Spiteri, Kap tal-Customer Service Centre u responsabbli minn dan il-Pakkett.
Il-BOV Graduates Package, li huwa disponibbli għal ħames snin minn meta wieħed jiggradwa, huwa ddisinjat bħala soluzzjoni rapida għas-servizzi bankarji għall-gradwati l-ġodda, bil-għan li jgħinhom fiż-żmien meta jkunu jeħtieġu l-aktar għajnuna, mingħajr ma jżid piż żejjed fuqhom. “L-istudenti jistgħu jagħżlu s-servizzi li jeħtieġu, u b’hekk dan il-Pakkett joffri kemm affordabbiltà kif ukoll flessibbiltà”, spjega s-Sur Spiteri.
Il-BOV Graduates Package jinkludi servizzi u prodotti finanzjarji li l-applikanti se jkunu jeħtieġu, uħud minnhom għall-ewwel darba, bħal overdrafts għan-negozju u self personali. Il-Pakkett jinkludi offerti speċjali bħar-rinunzja tal-miżata annwali għall-ewwel sena fuq il-BOV Visa Classic, li issa hija bla kuntatt, il-BOV Mastercard, standing orders mingħajr ħlas u s-servizz tal-BOV 24×7 mingħajr ħlas għal dawk li jabbonaw għal dan is-servizz għall-ewwel darba.
Il-Pakkett qed jiġi offrut mhux biss lill-gradwati l-ġodda, imma wkoll lil kull gradwat li japplika fi żmien l-ewwel ħames snin wara li jikseb il-kwalifiki.