Il-BOV iħabbar qliegħ għal kull sehem ta’ kważi 11ċ

Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar ir-riżultati finanzjarji tiegħu għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2019. Il-profitt ta’ qabel it-taxxa għas-sena, aġġustat għall-provvediment ta’ litigazzjoni u l-ispejjeż tat-trasformazzjoni huwa ta’ € 138.1 miljun, jew 6% taħt in-numru komparattiv. Id-depożiti tal-klijenti kiber bi 2.1% għal € 10.6 biljun. It-tkabbir ekonomiku lokali xpruna l-bilanċi domestiċi waqt li d-depożiti ta’ kumpaniji internazzjonali tnaqqsu b’24%.

Punti ewlenin

  • Profitt qabel it-taxxa ta’ €89.2 miljun, redditu fuq l-ekwità ta 6.2%
  • Qligħ qabel it-taxxa, iddikjarata qabel iż-żieda fil-provvediment ta’ litigazzjoni ta’ €25 miljun u spejjeż addizzjonali ta’ trasformazzjoni ta’ € 23.9 miljun, li jammonta għal €138.1 miljun
  • Qligħ għal kull sehem ta’ 10.9 ċenteżmi, ekwità tal-azzjonisti ta’ €1.1 biljun
  • Proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1) żdied b’120bps għal 19.5%
  • Dividend nett ta’ 1.71 ċenteżmu għal kull sehem qed jiġi rrakkomandat

Ġej żmien iebes – CEO BOV

B’referenza diretta għall-COVID-19, il-Kap Eżekuttivtal-BOV Rick Hunkin qal li “Mingħajr l-ebda dubju, ix-xhur li ġejjin se jkunu kkaraterizzati minn inċertezzi u dan se jaffettwa lil kulħadd b’xi mod jew ieħor. Dan il-virus huwa mistenni li jkollu impatt negattiv, kemm fuq l-ekonomija globali kif ukoll dik lokali. Il-bafers kapitali tal-BOV, flimkien ma’ miżuri pprovduti mill-awtoritajiet regolatorji jipprovdu mitigazzjoni kontra l-isfidi qawwija li ġab miegħu dan l-avveniment mingħajr preċedent. Huwa mistenni li dan se jħalli effett negattiv fuq il-prestazzjoni tal-2020, iżda ma nistgħux inbassru l-impatt sħiħ ta’ dan l-effettfi żmien daqshekk bikri. Hemm inċertezzi fuq kemm se ddum din il-kriżi kif ukoll l-impatt li se jkollha fuq l-ekonomija lokali kif ukoll kemm se jkunu effettivi l-miżuri li se jipprovdu l-awtoritajiet lokali kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea. Il-Bank diġa għamel diversi passi biex jgħin l-ekonomija u hija l-intenzjoni tagħna li nkomplu noħorġu b’aktar inizjattivi, kif ukoll nissalvagwardjaw il-benessri tal-impjegati u l-klijenti tagħna.

Andament pożittiv

FI stqarrija, il-bank qal li għalkemm l-2019 ippreżentat bosta sfidi għall-Bank, il-Bank of Valletta rrapporta riżultati b’saħħithom. Il-bank qal li din il-prestazzjoni saħħet il-pożizzjoni kapitali tal-Bank waqt li qed nibnu programm sinifikanti ta’ de-risking, appoġġjat minn titjib tanġibbli fil-qafas ta’ riskju, governanza u kontrolli tagħna.

Il-Bank qal li l-andament pożittiv ta’ l-ekonomija lokali għen biex is-self u l-avvanzi netti żdiedu bi € 88 miljun, primarjament fis-setturi tas-self fuq id-djar u self personali. Fis-settur tal-SMEs, rajna wkoll tkabbir, sostnut mid-diversi skemi ta’ finanzjament tal-Bank li huma disponibbli għan-negozji żgħar u medji.

Sfidi straordinarji

Il-Kap Eżekuttiv Rick Hunkin qal: “L-2019 kienet sena kruċjali għall-Grupp BOV. Implimentajna b’suċċess il-Core Banking System ġdida, komplejna bl-inizjattivi ta’ de-risking u saħħaħna l-funzjonijiet ta’ kontroll. Fl-istess waqt komplejna nipprovdu servizzi diġitali innovattivi għall-klijenti tagħna u tajna appoġġ lil numru kbir ta’ negozji f’diversi oqsma tal-ekonomija.

“F’dan iż-żmien, il-ħsibijiet tagħna huma fuq l-isfidi straordinarji li qed iġib miegħu il-COVID-19. Bħalissa, fil-Bank of Valletta, l-impjegati tagħna għadhom għaddejjin bil-ħidma tagħhom u żammejna l-fergħat u l-operat  kollu tagħna għaddej bl-għajnuna u l-impenn tagħhom. Minn qalbi nirringrazzja lit-tim bieżel u leali tal-BOV”.