Il-BOV b’iktar miżuri għall-klijenti personali

BOV-Customer-support

Il-Bank of Valletta qed jintroduċi aktar miżuri immirati biex jgħin u jagħti sapport lill-klijenti personali f’dawn iż-żminijiet diffiċli minħabba l-COVID-19.

Dawn il-miżuri jinkludu:

  • Moratorja fuq pagamenti fuq self – Moratorju ta mhux inqas minn tliet xhur kemm fuq il-kapital kif ukoll fuq l-imgħax se jiġu applikati għal self għad-dar kif ukoll fuq self personali. It-tul tal-moratorju se jinħadem fuq bażi personali skont is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tal-klijent;
  • Żidiet fil-limiti ta’overdraft u credit cards – Għajnuna se tingħata biex taqdi l-bżonnijiet finanzjarji għal perjodu qasir permezz ta’ żidiet temporanji fil-limiti tal-overdrafts u Credit Cards, sakemm il-klijent jilħaq il-kriterji ta’ eliġibilità u dan mingħajr ebda charges addizzjonali;
  • Tneħħija ta’ charges – L-ebda charge mhi se tiġi imponuta fuq skedar ġdid ta’ self għad-djar u self personali. Se jitwaqqgħu ukoll miżati fuq pagamenti fuq credit cards li jsiru tard;
  • Estensjonijiet fuq ġbid u użu ta’faċilitajiet ta’ kreditu – il-Bank mhux se jimponi charges fuq estensjonijiet biex jinġibdu jew jiġu użati fondi fuq self. Dawn l-estensjonijiet japplikaw ukoll fuq faċilitajiet ta’ self li għandhom rata ta’ imgħax fissa.

Il-Bank iħeġġeġ lill-klijenti li għandhom bżonn aktar dettalji biex ma jżurux il-fergħat tal-Bank iżda jibagħtu imejl fuq info@bov.com b’dettalji dwar it-talba tagħhom, in-numru tal-karta tal-Identità, in-numru tal-mowbajl u l-fergħa tal-Bank minn fejn jinqdew. L-Uffiċjal tal-Bank imbagħad jikkuntattjahom biex jipprovdi l-għajnuna meħtieġa. Il-klijenti jistgħu wkoll iċemplu fuq 2275 3500, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sal-4pm. Talbiet mibgħuta permezz ta’ imejl jinqdew iktar malajr.

Aktar informazzjoni u aġġornamenti tal-BOV fuq COVID-19 jistgħu jinstabu hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn