Il-BOV bi qligħ ta’ €74 miljun f’sitt xhur

Il-bank BOV għamel qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ €74 miljun għall-ewwel sitt xhur tas-sena li jagħlqu fil-31 ta’ Marzu 2017, żieda ta’ 8% fuq it-€68.5 miljuni rrapurtati għall-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan ħabbru llum waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn il-bord tad-diretturi ddikkjara dividend interim gross ta’ 4.5 ċenteżmi għal kull sehem, żieda ta’ 24% fuq it-3.64 ċenteżmi ddikkjarati s-sena l-oħra. Din il-figura hija aġġustata għall-ħruġ ta’ ishma bonus f’Jannar 2017.
Il-marġini tal-imgħax tal-BOV għal dan il-perjodu, li ammonta għal €72.7 miljuni, wera tnaqqis ta’ 3% meta mqabbel ma’ Marzu 2016.
L-assi totali jammontaw għal €11.3 biljuni, żieda ta’ €583 miljun fuq Settembru 2016, waqt li l-ekwità tammonta għal €753 miljun, żieda ta’ €24 miljun. Il-proporzjon ta’ Core Equity Tier 1 hija ta’ 13.1%, ’il fuq minn 12.8% f’Settembru 2016.
Iċ-Ċermen tal-Bank of Valletta, Deo Scerri, ikkonkluda l-konferenza billi qal li l-amministrazzjoni ħerqana għal ħruġ ta’ ishma li se jkunu suċċess. Kompla billi sostna li dan se jippermetti li l-bank iżomm il-pożizzjoni tiegħu ta’ tmexxija tas-suq f’ambjent ta’ tkabbir.