Il-BOV b’aktar miżuri minħabba l-coronavirus

Read in English.

Il-Bank of Valletta se jintroduċi aktar miżuri mmirati biex jitnaqqas il-kuntatt wiċċ imb wiċċ mal-klijenti. Dan b’rabta mal-aħħar żviluppi relatati mal-coronavirus u l-miżuri mħabbra mill-Ministru għas-Saħħa.

Il-miżuri tal-bank huma:

  • Għeluq temporanju ta’ tmien fergħat/aġenziji
  • Tnaqqis fil-ħinijiet tal-ftuħ – 9am sa 12pm mit-Tnejn sas-Sibt
  • Il-Fergħat tal-BOV ikomplu joffru servizzi essenzjali
  • Servizzi oħra offruti permezz ta’ tim iddedikat li jopera permezz ta’ numru tat-telefown u imejl apposta
  • Ċentri oħra se joperaw bil-bibien magħluqa iżda jibqgħu joffru servizzi lill-klijenti
  • L-ATM ser ikomplu joperaw b’mod normali

Fergħat tal-Bank of Valletta

Il-Bank of Valletta se jkun qed jagħlaq b’mod temporanju l-fergħat tiegħu f’Bormla, il-Fgura, Fleur De Lys, Marsaxlokk, l-Imsida, Ħal Qormi, Skyparks u x-Xewkija.

L-ATMs u l-faċilitajiet ta’ nightsafe deposits f’dawn il-fergħat se jibqgħu joperaw b’mod normali. Klijenti li jkollhom bżonn aċċess għas-safe deposit lockers tagħhom f’dawn il-fergħat, f’dan iż-żmien li fih dawn il-fergħat se jkunu magħluqa, għandhom iċemplu l-Customer Service Centre tal-Bank biex jingħataw appuntament.

Klijenti ta’ dawn il-fergħat li jeħtieġu servizzi oħra li mhumiex relatati ma’ ġbid ta’ flus u depożiti għandhom jibagħtu imejl lil info@bov.com jew iċemplu fuq +356 2275 3500 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sal-4pm).

L-ATMs kollha tal-Bank madwar Malta u Għawdex se jibqgħu joperaw b’mod normali.

Sigħat ta’ Ftuħ

Il-Bank se jkompli joffri s-servizzi minn 33 fergħa/aġenzija tiegħu madwar Malta u Għawdex bejn id-9am u 12pm, mit-Tnejn sas-Sibt.

Ġbid ta’ flus mill-Fergħat

Il-klijenti jkunu jistgħu jiġbdu ammont ta’ mhux inqas minn €500 mill-fergħat tal-Bank of Valletta. Ammonti inqas minn €500 iridu jinġibdu mill-ATMs. Klijenti li m’għandhomx card tal-bank u li għandhom inqas minn €500 fil-kont tagħhom xorta se jkunu jistgħu jiġbdu l-flus mingħand il-kaxxiera. Klijenti li m’għandhomx cards tal-Bank huma mħeġġa japplikaw b’xejn għall-BOV Cashlink Card.

Servizzi mill-Fergħat

Il-fergħat tal-BOV se jkomplu joffru servizzi bankarji essenzjali bħal ġbid ta’ flus u depożiti. Klijenti li jeħtieġu servizzi oħra bħal investimenti, self għad-djar, self personali u tibdil fl-iskedi tal-pagamenti fuq is-self tagħhom għandhom jibagħtu imejl lil info@bov.com jew iċemplu fuq +356 2275 3500 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sal-4pm). Il-klijenti għandhom jipprovdu n-numru tal-mowbajl tagħhom, is-servizz meħtieġ u liema hi l-fergħa tagħhom. Dawn imbagħad jiġu kkuntattjati minn rappreżentant tal-fergħa.

Servizzi Oħra

Sakemm ma jinħarġux notifiki oħra, il-Business Centres, Investment Centres, Wealth Management u l-International Corporate Centre mhux se jilqgħu klijenti fl-uffiċini tagħhom iżda se jipprovdulhom is-servizzi permezz tat-telefon, l-imejl u mezzi elettroniċi oħra. Klijenti li jeħtieġu servizzi minn dawn iċ-Ċentri huma ġentilment mitluba jikkuntattjaw lir-Relationship Managers u Financial Advisors permezz tal-imejl jew tat-telefon.

Mezzi Diġitali

Il-Bank of Valletta ikompli jħeġġeġ lill-pubbliku biex inaqqas l-użu tal-flus u minflok juża mezzi diġitali bħal ħlas bil-contactless cards u l-BOV Pay u biex iwettaq tranżazzjonijiet bankarji permezz tal-BOV Internet Banking, il-BOV Mobile Banking u l-Customer Service Centre.

Il-Bank jappella lill-klijenti tiegħu biex imorru fil-fergħat tiegħu biss għal servizzi urġenti li ma jistgħux isiru minn mezzi diġitali.

Ħudu ħsieb saħħitkom

Il-Bank of Valletta jappella lill-pubbliku biex jieħu miżuri ħalli jipproteġi saħħtu u saħħet ħaddieħor bħal:

  • Żomm mill-inqas metru ‘l bogħod jekk tkun qed tistenna fil-kju
  • Uża mezzi sanitarji qabel u wara l-użu tal-ATMs, minkejja li l-Bank qiegħed inaddaf l-ATMs tiegħu b’mod regolari
  • Tarmix ingwanti u tissues fil-kontenituri fejn jintremew l-irċevuti tal-ATMs – irrispetta lilek innifsek u lil ta’ warajk.
  • Uża l-pinna tiegħek jekk iżżur fergħa
  • Żur il-fergħat għal bżonnijiet urġenti biss
  • Oqgħod id-dar u fittex parir mediku jekk ma tħossokx tajjeb

Il-Bank qal li qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa u se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jieħu ħsieb lill-klijenti u l-impjegati tiegħu bl-istess mod.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn