Il-Borża ta’ Malta tifraħ, tgħum u tilgħab mat-tfal tal-Ursulini

16-il tifel u tifla kienu ffortunati hekk kif membri mill-Kumitat tal-Attivitajiet Soċjali fi ħdan il-Borża ta’ Malta organizzalhom ġurnata l-pool f’razzett fis-Siġġiewi.
It-tfal huma residenti fid-dar għat-tfal ta’ Santa Rita f’Ħal Tarxien, immexxija mis-Sorijiet tal-Ursulini.
Il-Borża ta’ Malta qalet fi stqarrija li kemm it-tfal kif ukoll l-istaff u s-sorijiet qattgħu ġurnata sabiħa jgħumu, jilagħbu flimkien, kif ukoll jieklu u jixorbu f’dan ir-razzett fir-raħal pittoresk tas-Siġġiewi.
Din kienet it-tielet darba li l-Borża ta’ Malta ħadmet mas-sorijiet li jmexxu din id-dar, u l-Kumitat tal-Attivitajiet Soċjali jorganizza attivitajiet simili fuq bażi regolari, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanija.
Iċ-Ċermen tal-Borża rringrazzja lis-sinjuri Borg talli għoġobhom joffru r-razzett tagħhom għal din il-kawża ġusta.
Fir-ritratt: Membri mill-Borża ta' Malta mas-Sorijiet tal-Ursulini