Il-Bormliżi bla nar minħabba c-CHOGM

Fl-ewwel jum tal-festa, il-Bormliżi se jkollhom jgħaddu mingħajr nar tal-ajru minħabba li d-diversi delegazzjonijiet tac-CHOGM se jkunu fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu.
L-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Marija Immakulata f’Bormla, il-Kanonku Reuben Micallef, ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt, li minkejja li l-permess ġa kien ħareġ, l-awtoritajiet iddeċidew li minħabba s-sigurtà l-aħjar li ma jsirx logħob tan-nar.
Fil-ħin li d-delegazzjonijiet se jkunu l-Birgu, fis-Santwarju ta’ Marija Immakulata f’Bormla, se tkun għaddejja l-funzjoni tal-bidu tal-festa, magħrufa mal-Bormliżi bħala l-ewwel Salve, li tinkludi wkoll il-ħruġ min-niċċa tal-vara titulari.
Minkejja li l-Bormliżi huma akkaniti ħafna għall-festa, u hemm grupp ta’ dilettanti tan-nar, l-Arċipriet qal li ċ-Ċentru 19 ta’ Novembru kkopera mal-awtoritajiet u ġie deċiż li n-nar li kellu jinħaraq għada, jintuża fil-ġranet l-oħra tal-festa.
Il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla hija l-aħħar waħda tas-sena u tiġi ċċelbrata kull sena nhar it-8 ta’ Diċembru, fil-jum tas-Sollenità.