Il-bord tal-PBS il-ġdid pass ieħor biex jibqa’ taħt kontroll tal-Gvern – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li aktar milli riforma tas-sistema, it-tibdil ta’ persuni fuq il-bord tal-PBS ikompli “jiżgura li l-PBS jibqa’ taħt il-kontroll tal-Gvern”.

Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja, Therese Comodini Cachia, f’isem il-PN qalet li l-Gvern diġà abbuża mill-PBS permezz ta’ ċirkulari maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir billi “uża ħin ewlieni għal skopijiet politiċi partiġġjani tiegħu stess u bil-benefiċċju miżjud li ma jkollux għalfejn ixandar mistoqsijiet imressqa mill-ġurnalisti.”

Il-Gvern ħatar lill-Professur Carmen Sammut bħala ċ-Chairperson il-ġdid tal-Public Broadcasting Services (PBS). Il-bord il-ġdid tal-PBS se jkun kompost minn chairperson, flimkien ma’ tmien persuni oħra bħala Diretturi li huma Dr Maria Brown, is-Sur Ray Calleja, is-Sur Jeremy Camilleri, is-Sur Engelbert Grech, is-Sur Albert Marshall, Dr Marthese Portelli, is-Sur Oliver Scicluna u Ms Adriana Zarb Adami.

Comodini Cachia qalet li biex il-PBS ikun tassew servizz ta’ xandir pubbliku u jagħmel ġustizzja mal-poplu Malti li jiffinanzja l-operat tiegħu, trid issir riforma sinifikanti. Sostniet li r-riforma għandha tkun tali li tiżgura li l-PBS hija msejsa fuq l-indipendenza u l-imparzjalità billi twettaq dan li ġej:

  • tillimita l-użu u l-kontroll tax-xandir pubbliku mill-Gvern;
  • tiżgura xandira tal-aħbarijiet ġusta, preċiża u imparzjali;
  • tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ servizz pubbliku dwar affarijiet kurrenti u affarijiet ta’ kontroversja politika, u
  • tiżgura l-obbligu tas-servizz pubbliku permezz ta’ programmi għall-iżvilupp kulturali, soċjali u edukattiv tas-soċjetà.

Insistiet li l-ħatra tal-Bord tad-Diretturi saret “b’maġġoranza ta’ persuni li ġejjin minn konnessjonijiet qawwija mal-Partit Laburista, li tkompli turi biss kif il-Gvern Laburista mhux interessat biex jirriforma l-PBS iżda biss li Robert Abela għażel in-nies hu biex iżomm il-ħakma tiegħu fuq il-PBS.”

Comodini Cachia temmet tgħid li Abela stess ikkonferma li hemm min jiġbed il-kordi tal-PBS minn wara l-kwinti u “li issa li l-Prim Ministru qed iċedi għar-reżistenza tal-Partit tiegħu stess biex ix-xandir nazzjonali jsir verament xandir indipendenti u imparzjali.”