“Il-bord tal-Matsec għandu jegħleb il-burokrazija u jgħin lill-istudenti” – AD

L-Alternattiva Demokratika qalet li l-bord tal-Matsec għandu jegħleb il-burokrazija u s-sistemi arkajki tiegħu u jappoġġja studenti li għandhom xi diffikultajiet fit-tagħlim. Dan billi joħloq sistemi ta’ assessjar skont il-ħtiġijiet tal-istudenti.
Fi stqarrija l-AD qalet li tilqa’ r-rapport maħruġ mil-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-arranġamenti ta’ aċċess għall-kandidati bi bżonnijiet speċjali tal-MATSEC b’referenza għall-kandidati li jbatu mill-kundizzjonijiet tal-ADHD, Awtiżmu jew Dyslexia.
Anna Azzopardi, kelliema għall-AD, qalet li mir-rapport tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni joħroġ li s-sistemi li jipprovdu servizzi ta’ sapport u aċċess, bħal servizzi ta’ Evalwazzjoni Psikoloġika u statementing, huma diffiċli biex jintlaħqu minn kulħadd.
Sostniet li ż-żgħażagħ għandhom jiġu ttestjati fuq dak li jafu u m’għandhomx jiġu mfixkla mill-mod ta’ kif ikun magħmul l-eżami. Saħqet li l-eżami għandu jkun b’tali mod li jisgura li l-proċess tat-tagħlim ikun ta’ suċċess u ma jsirx esperjenza kerha.