Inkjesta Daphne: Il-Bord jordna lil Mizzi jixhed illum

Facebook

Il-Bord tal-Inkjesta li qed issir fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qed jordna lill-eks Ministru Konrad Mizzi biex jitla’ jixhed minkejja r-rikors li hu ressaq biex ma jixhidx.

Il-Bord, magħmul mill-Imħallfin Michael Mallia, Abigail Lofaro u Joseph Said Pullicino ordna lil Mizzi biex jidher quddiemu dalgħodu fid-9.30am, meta tkompli l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ Mizzi kiteb fuq Facebook fejn ikkritika l-inkjesta pubblika u qal li din ġiet politiċizzata. Huwa kkritika partikolarment l-irwol tal-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia fiha, billi dawn huma Deputati Nazzjonalisti. Fl-inkjesta qegħdin jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia.

Huwa mbagħad ressaq rikors li fih talab biex ma jidhirx fl-inkjesta, u ċaħad kull involviment fil-qtil, filwaqt li offra l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-ġurnalista.

Il-kritika ta’ Mizzi fuq l-inkjesta
Konrad Mizzi jikkritika l-inkjesta pubblika

L-eks Ministru qal li huwa dejjem kien disponibbli għall-Qorti u għall-Pulizija u għalkemm m’għandux problema biex jidher quddiem il-Bord, ma jidhirlux li għandu informazzjoni li tista’ tixħet dawl fuq l-iskopijiet tal-inkjesta.

Żied jgħid li diġà ta informazzjoni fuq il-ħidma ministerjali tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti u li mhuwiex f’pożizzjoni li jgħaddi l-istess informazzjoni privileġġjata fil-pubbliku, speċjalment fil-preżenza tal-avukati u ta’ partijiet terzi, li skontu, “għamlu diversi attentati biex ikissru l-integrità u l-professjonalità u l-karriera politika” tiegħu.

Madankollu, il-Bord tal-Inkjesta ħareġ digriet ilbieraħ filgħaxija li jgħid li Mizzi jrid jixhed, iżda jista’ jagħżel li ma jwiġibx mistoqsijiet li jidhirlu li se jinkriminawh. Apparti dan, il-Bord fakkar li għandu l-għażla li jisma’ x-xhieda ta’ Mizzi wara bibien magħluqa, mingħajr il-preżenza tal-midja u tal-pubbliku.

Il-Bord saħaq li Mizzi kellu żball jgħid li l-mandat tal-Bord hu ffukat biss fuq l-assassinju tal-ġurnalista, għaliex il-mandat tiegħu huwa biex jinvestiga kienx hemm nuqqasijiet mill-Istat li setgħu wasslu biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Il-Bord qed jinvestiga wkoll jekk kultura ta’ impunità setax kellha rwol fil-qtil.

Għaldaqstant, il-Bord ordna lil Mizzi biex jidher quddiemu dalgħodu.

Newsbook.com.mt se jkun qed jirrapporta live mill-qorti. Fis-seduta tal-lum għandu jixhed ukoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri, li rriżenja din il-ġimgħa wara li xahar ilu ħarġet l-aħbar li huwa siefer ma’ Yorgen Fenech fl-2018.

Yorgen Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista.