Il-Bord tal-Inkjesta jgħid lil Fenech li hu konxju tal-obbligi tiegħu

Read in English.

Il-Bord tal-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ħareġ digriet bi tweġiba għar-rikors li ppreżenta Yorgen Fenech, li fih qallu li huwa konxju tal-obbligi u d-doveri tiegħu u beħsiebu jkompli bit-tfittxija għall-qadi u għas-soluzzjoni aħħarija fl-inkarigu li ġie fdat bih.

Dan id-digriet twassal illum mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, l-Imħallef Abigail Lofaro u l-Imħallef Emeritu Michael Mallia li qed imexxi l-Bord. L-inkjesta pubblika għandha l-iskop li tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u x’azzjonijiet ħa wara.

Yorgen Fenech hu akkużat b’kompliċità f’dan l-assassinju.

Madwar ġimagħtejn ilu, it-tim legali tiegħu ppreżenta rikors fil-qorti li fih xebbah lill-Bord tal-Inkjesta mal-inkwiżizzjoni Spanjola. Fir-rikors, l-avukati akkużaw lill-Bord li “injora” t-termini ta’ referenza tal-inkjesta pubblika u dan qed itellef mill-preżunzjoni li Fenech hu innoċenti sakemm jinstab ħati, billi l-Bord qed jinfluwenza l-mod kif il-ġuri tara lill-akkużat.

L-avukati ta’ Fenech talbu li kull xhieda li hemm fl-inkjesta li tirreferi għal Fenech titneħħa. Talbu wkoll li jingħataw kopja tax-xhieda mismugħa mill-Bord.

Il-Bord wieġeb billi qal li x-xhieda li sema’ ngħatat fil-pubbliku u b’hekk hi aċċessibbli għal kulħadd.