“Il-Bord tal-Inkjesta biss jista’ jiddetermina għandux bżonn aktar żmien” – Omtzigt

Miguela Xuereb

Read in English.

Pieter Omtzigt, ir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal li l-Bord li qed imexxi l-inkjesta pubblika biss jista’ jiddetermina kemm teħtieġ żmien biex titlesta l-inkjesta, u mhux il-Prim Ministru.

F’ittra li bagħat lill-Prim Ministru Robert Abela, Omtzigt wera tħassib dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru biex jagħti lill-Bord sal-15 ta’ Diċembru biex itemm l-inkjesta pubblika. Din l-inkjesta għandha l-għan li tara jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ġie previst.

Il-Bord, magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said-Pullicino, mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u mill-Imħallef Abigail Lofaro, bagħat bil-miktub lill-Prim Ministru jgħidlu li l-inkjesta se jkollha ddum aktar mid-disa’ xhur li suppost kellha ddum, billi jonqos aktar nies li jixhdu. Il-Prim Ministru bagħtilhom nota li fiha qalilhom li għandhom żmien sal-15 ta’ Diċembru.

L-oġġezzjoni tal-familja Caruana Galizia waqt is-seduta tal-inkjesta jumejn ilu
Il-Ministru Farrugia ma kienx ikun jaf bil-briefings f’Kastilja fuq il-qtil ta’ Daphne

Madankollu, l-Avukata Therese Comodini Cachia li qed tirrappreżenta lill-familja Caruana Galizia fl-inkjesta oġġezzjonat fil-qorti fis-seduta li saret jumejn ilu. Hija saħqet li l-Gvern m’għandux ixekkel l-andament tal-inkjesta.

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia wkoll uriet l-oġġezzjoni tagħha llum u qalet li l-Gvern qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea jekk jimponi restrizzjonijiet fosthom l-għeluq tal-Inkjesta Pubblika f’Diċembru li ġej. L-armel tal-ġurnalista u t-tliet uliedha ssottomettew nota lill-inkjesta pubblika li fiha qalu li l-Prim Ministru Robert Abela qed jippreġudika l-ħidma tal-Bord tal-Inkjesta.

Fl-ittra tiegħu, Omtzigt ukoll jirreferi għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Jgħid li skont din, l-inkjesta għandha tkun waħda indipendenti, mingħajr ebda interferenzi tal-Istat. Huwa kkwota t-termini ta’ referenza tal-inkjesta u qal li dawn jindikaw li l-limitu ta’ żmien tal-inkjesta huwa flessibbli, u li bħala korp indipendenti, il-Bord stess għandu jiddetermina jekk lestiex xogħlu, jekk jeħtieġx aktar minn disa’ xhur.

Omtzigt stieden lil Abela biex jispjega l-bażi legali fuqiex ħa din id-deċiżjoni. Huwa semma kif din l-inkjesta hija ta’ importanza għal Malta kollha, peress li skontu, dan huwa l-uniku proċess legali li qed jixħet dawl fuq iċ-ċirkostanzi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla korpi, ta’ governanza ħażina u ta’ ftehim kriminali. Żied jgħid li l-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-inkjesti maġisterjali fuq dawn l-allegazzjonijiet għadhom ma wasslu għall-ebda riżultat, u b’hekk, l-impunità għadha għaddejja.

Ir-Rapporteur qal li Malta ma tistax issolvi l-kriżi tas-saltna tad-dritt sakemm ma din l-inkjesta taqdi l-mandat tagħha u twassal biex l-awtoritajiet responsabbli jieħdu l-azzjoni neċessarja.