“Il-Bord tal-Gvernaturi ta’ Valletta 2018 se jkun estiż minn 6 għal 10 membri” – Jason Micallef

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook, Jason Micallef jgħid jekk kienx qed jistenna li jinħatar Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u jispjega x'kompetenzi jqis li għandu biex iservi f'din il-kariga u x'jinvolvi eżattament l-irwol tiegħu. Jispjega wkoll x'jara li għandu jistenna ċ-ċittadin Malti Ewropew fl-2018.

Mistoqsi mill-ġurnalist Karl Wright dwar id-diċerija li Lou Bondi kien avviċinat mill-Gvern biex jagħti sehmu fil-bord tal-Gvernaturi, Jason Micallef jiċħad kategorikament. Iwieġeb ukoll jekk hux veru li hemm affarijiet ġodda jinħmew għat-tmexxija ta' dal-proġett, permezz tal-Bord tal-Gvernaturi li issa se jkun estiż minn 6 għal 10 min-nies, b'sehem minn firxa usa ta' oqsma. Eżempju għal dan huwa l-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia. U kemm jitħallas hu u l-membri tal-Bord? U kif se jintużaw il-ħiliet ta' David Felice, li serva qabel Micallef bħala Chairman tal-istess Fondazzjoni?

L-ewwel laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi b'Jason Micallef Chairman għandha ssir nhar il-Ġimgħa li ġej.

Jason Micallef jirreaġixxi wkoll għall-allegazzjoni tal-PN li l-ħatra tiegħu kienet mossa biex ikunu riżolti kwistjonijiet personali bejnu u bejn il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat. 

Il-ġurnalist ifakkar fil-kliem ta' Micallef li kien qal li jrid jagħmel din l-attivita ta' kulħadd. Fl-istess linja tal-għajta Laburista 'Malta Tagħna Lkoll' jew bl-għajta ta' xi wħud illum li qed jgħidu li l-affarijiet jindikaw li l-għajta messha kienet 'Malta Tagħna Biss'?

Jason Micallef, ftit jiem wara l-elezzjoni appella biex iwarrbu minn posthom is-CEO u l-editur tal-aħbarijiet tal-PBS, allegatament Nazzjonalisti akkaniti. Bl-istess kejl, hu mhux Laburist akkanit? Jason Micallef iwieġeb…

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.