Il-Bord tal-FSWS jiddiżassoċja ruħu mill-kummenti ta’ Grixti

Il-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) iddiżassoċja ruħu mill-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tagħha Alfred Grixti. Dan wara li Grixti qal ppropona li jitgħarrqu l-bastimenti li jsalvaw lin-nies.

Fi stqarrija ppubblikata llum, il-Bord qal li Grixti għamel dawn il-kummenti fuq Facebook fil-kapaċità personali tiegħu. Il-Bord qal li qed jiddiżassoċja ruħu mill-kummenti li setgħu taw impressjoni differenti tal-valuri li tħaddan il-FSWS.

Il-Bord irreafferma l-impenn tal-amministrazzjoni biex tkompli taħdem “b’risq id-dijità umana mingħajr favuri jew deskriminazzjoni.”

“Dan dejjem sar u ser jibqa’ jsir permezz ta’ l-impenn professjonali u ġenwin tal-ħaddiema kollha tal-Fondazzjoni,” qal il-Bord.

Is-Sibt li għadda Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon dwar x’azzjoni se jieħu dwar il-kummenti ta’ Grixti. Falzon ma rrispondiex il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

“Naqbdulhom il-vapur u ngħerrquhulhom!”

Hekk kiteb il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti dwar vapur ta’ NGO li jsalva lin-nies milli jmutu fil-baħar. Għadd ta’ persuni sejħu għar-riżenja tiegħu.