Il-Bord tal-Appell jiddeċiedi li r-razzett antik fil-Fgura jista’ jitwaqqa’

Read in English.

Il-Bord tal-Appell fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar illum iddeċieda li r-razzett antik fil-Fgura jista’ jitwaqqa’.

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura ħareġ stqarrija li fiha qal li beħsiebu jibqa’ jiġġieled biex jipproteġi l-aħħar razzett antik fil-lokalità milli jinqered. Saħaq li din id-deċiżjoni mhix se twaqqfu mill-battalja li ilu jiġġieled għal 25 sena biex ir-razzett fi Triq Hompesch ikun konservat minħabba l-istorja antika u l-wirt kulturali tiegħu.

Dan il-proġett sab ħafna oġġezzjonijiet, partikolarment mingħand il-Kunsill Lokali tal-Fgura u l-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar. Il-proġett propost minn Trevor Buttigieg huwa biex ir-razzett jitwaqqa’ u biex jinbena ħajt madwar il-propjetà.

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura se jorganizza konferenza stampa sabiex iħabbar aktar dettalji dwar il-ħidma konġunta li qed issir għas-salvagwardja ta’ dan ir-razzett. Il-konferenza se ssir is-Sibt li ġej fil-11am fis-sala taċ-Ċentru Ċiviku tal-Kunsill Lokali tal-Fgura.