Approvat żvilupp maġġuri fil-bajja ta’ San Ġorġ

B’seba’ voti kontra tlieta, l-iżvilupp propost fi Cresta Quay ġie approvat iktar kmieni llum mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjannar.
Minkejja li għad m’hemmx Masterplan għall-Paceville, dan l-iżvilupp massiċċ li jinkludi diversi żoni fil-madwar tal-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan, ġie approvat.
L-applikazzjoni tinkludi li l-bini kollu eżistenti li jagħmel parti mil-lukanda San Ġorġ, Dolphin House, id-dar ta’ Moynihan u Cresta Quay jiġu mwaqqa’.
Minflok se jkunu qed jibnew lukandi, faċilitajiet ta’ parkeġġ, faċilitajiet oħra, żona kummerċjali, akkommodazzjoni li tippermetti li jkollha diversi sidien, bungalows, u skola tal-Ingliż bl-akkommodazzjoni.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qal li l-għar mhux mhedded b'mod dirett mill-iżvilupp kif ukoll li d-dar ta' Moynihan ma għandiex valur ta' wirt storiku.
L-għaqda ambjentali Flimkien Għal Ambjent Aħjar qalet fi stqarrija li bejn Villa Rosa u l-Isititut tal-Istudju Turistiċi hemm Għar Ħarq Ħamiem li huwa l-ikbar għerien taħt l-art f’Malta. Huwa maħsub li huwa kbir daqs il-koppla tal-Mosta.
L-għar skedat bħala żona ta’ importanza ekoloġika u xjentifika kif ukoll hi żona speċjali ta’ konservazzjoni. Fl-għar insibu żewġ speċi tal-baħar li jgħixu hemm biss.
Skont studju ġeoloġiku li sar minn Peter Gatt instab li hemm indikazzjonijiet li juru li l-għar jaf huwa ikbar minn kemm hu maħsub. L-istess studju jikkonkludi li l-għar għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed mhux esplorat. L-istess għar ikompli għal ġol-baħar.
L-għaqda qajmet tħassib dwar jekk l-iżvilupp hux se jkollu impatt negattiv fuq l-għar. Il-biża’ hi li l-pedamenti tal-bini propost jaf jagħmlu iktar ħsara minn dak li wrew l-iżviluppaturi.
L-FAA staqsiet x’jiġri li kieku kellu jkun propost żvilupp li jkunu ta’ periklu għall-Ipoġew jew għal Għar Dalam.