Il-Bord ta’ Inkjesta se jara fejn kien Chris Cardona

Acapulco Cardona jitlef ċans kelmtu

Read in English.

Il-Bord ta’ Inkjesta fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia aċċetta t-talba tal-avukati tal-familja biex jinkisbu t-TAP3 files li ġew ppreżentati fil-każ tal-libell li kien fetaħ il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Il-Bord ordna li dawn il-files jiġu ppreżentati fl-atti tal-Inkjesta Pubblika.

Din it-talba ntlaqgħet mill-Bord ta’ Inkjesta fil-bidu tas-seduta tal-lum.

F’Lulju tal-2017, l-operaturi tal-mowbajls lokali ġew ordnati mill-Qorti biex jikkonservaw informazzjoni mill-mowbajl ta’ Cardona li turi minn fejn saru telefonati dakinhar tal-każ.

Fis-seduta tal-Inkjesta Pubblika tas-6 ta’ Diċembru, l-avukat Therese Comodini Cachia staqsiet jekk il-bord kellux kopja tad-dokumenti ppreżentati fil-każ ta’ Chris Cardona li kienu quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale. Qalet li l-files tat-TAP3 jistgħu jagħtu indikazzjoni jekk kienx żvilupp li seta’ poġġa f’riskju akbar ħajjet il-ġurnalista. Cardona kien waqqa’ l-każ tal-libell kontra l-ġurnalista.

Comodini Cachia qalet li jekk il-bord ikollu aċċess biex jikkunsidra dak li kien hemm fit-TAP3 files, dawn jistgħu jagħtuhom indikazzjoni dwar l-importanza ta’ dik l-istorja u r-reazzjoni li dik il-persuna seta’ kellha fil-konfront tal-ġurnalista.

Spjegat li dawn id-dettalji jistgħu jagħtu ħjiel lejn ir-riskju serju u kif żdied jew tnaqqas. Comodini Cachia kompliet tispjega li huma riedu jistaqsu jekk il-pulizija kkunsidrawx b’mod serju r-riskju li kienet fih il-ġurnalista. Qalet li wieħed irid iħares lejn il-livell ta’ riskju li kien jeżisti.