Il-bord ta’ inkjesta jissuġerixxi ċentru ta’ detenzjoni ġdid għall-immigranti

Skont ir-rapport ikkummissjonat mill-Gvern wara l-irvellijiet fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far, hemm bżonn ta’ faċilità ta’ detenzjoni ġdida li tkun tinkludi sezzjoni magħmula apposta għal dawk l-immigranti li jkunu għadhom jaslu.

Din il-faċilita’, jkompli jisħaq ir-rapport, għandha tinbena apposta għad-detenzjoni. Dan biex il-kundizzjonijiet jitjiebu, ikun hemm aktar spazju u biex jiġi assigurat li jekk jerġa’ jinqala’ xi ġlied, ikun iħfef biex jiġi kkontrollat.
Ir-rapport tħejja minn bord apposta mmexxi minn Joseph St John. Il-membri ta’ dan il-bord huma John Aguis u Kevin Borg, filwaqt li Dr Nadia Mifsud hija s-segretarja.