Il-bord ta’ inkjesta jiddikjara li mhux se jtemm xogħlu sat-Tlieta

Daphne Caruana Galizia memorial
Miguela Xuereb

Read in English.

Fil-Qorti llum, il-bord ta’ inkjesta maħtur biex imexxi inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġuralista Daphne Caruana Galizia, iddikjara li mhux se jkun qed itemm xogħlu sa għada. Dan skont dokument li nqara llum fil-Qorti, direzzjonat lejn il-Prim Ministru Robert Abela, wara li ntemmet ix-xhieda tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien estenda tmiem l-inkjesta sal-15 ta’ Diċembru, imma sostna li l-inkjesta għandha tintemm sa dik il-ġurnata u ma ddumx iktar. Fl-aħħar ġimgħat kienu diversi dawk li sostnew li l-Gvern qatt m’għandu jimponi dati ta’ skadenza fuq xi ħaġa li għandha bżonn tieħu ż-żmien u l-proċessi tagħha biex ir-riżultat tagħha jkun wieħed sodisfaċenti u li verament jikseb ġustizzja.

Il-bord qal li fi ftit inqas minn sena, minħabba s-sospensjoni tal-Qorti għal 10 ġimgħat, żamm 85 seduta u fihom sema’ mal-100 xhud. Sostna li japprezza jekk jitħalla jwettaw xogħolu b’serenità biex jasal għall-ġudizzju oġġettiv fuq il-provi miġbura mingħajr pressjoni żejda. Kompla jgħid li r-riċerka għall-verità m’għandhiex tkun suġġetta għal termini arbitarji li jistgħu jikkundizzjonaw il-kondotta ta’ min hu msejjaħ biex jiġġudika. Dan speċjalment meta t-termini ta’ referenza tal-Bord ġew maqbula mal-membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-Bord insista li ħadd aktar ħlief hu m’għandu l-jedd li jiddetermina t-termini ta’ referenza u l-livell ta’ prova li jeħtieġ li jakkwista biex ikun jista’ jaqdi dmiru. Qal li kull tentattiv biex jiġi jew limitat, jew estiż huwa inaċċettabbli.

Hu kompla billi kkunsidra li wara x-xhieda tal-lum, hu tal-fehma li sostanzjalment ikkonkluda s-smigħ tal-provi li jeħtieġlu biex ikun f’qagħda li jaqdi t-termini ta’ referenza li tawh. Madanakollu, fil-kors tas-smigħ tax-xhieda, il-Bord kien mgħarraf mill-Kummissarju tal-Pulizija li xi kontenut mill-informazzjoni analizzata mill-Europol u l-Pulizija ta’ Malta jaf tkun relevanti għall-inkarigu tal-bord. Kompla jgħid kif din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli sa nofs Jannar tas-sena d-dieħla.

“Ikun għalhekk opportun, xieraq u ġust, illi sakemm tkun aċċessibbli din il-prova waqt li jkompli bid-deliberazzjonijiet tiegħu, jissospendi s-smigħ tax-xhieda u l-ġbir tal-provi,” kompla l-bord. Fid-dawl ta’ dan, iċ-Ċermen tal-Bord l-Imħallef Michael Mallia u l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qalu li lesti li jirrinunzjaw il-paga tagħhom għal tul l-estensjoni tal-inkjesta pubblika. It-tielet membru tal-bord hija l-Imħallef Abigail Lofaro.

Is-seduta li jmiss se ssir fid-29 ta’ Jannar tal-2021, fid-9.30am. Fiha se jiġu ppreżentati n-noti u aktar informazzjoni relevanti.