Aġġornata: Il-Bord ta’ Inkjesta dwar id-droga f’Għawdex ma jsib l-ebda irregolarità

Il-Bord ta' Inkjesta li investiga l-allegat indħil politiku fil-każ ta' droga f'Għawdex, ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda irregolaritajiet.
Il-Gvern ippubblika rapport ta' tnax-il paġna li ħareġ mill-Bord u ittra li fiha l-Prim Ministru talab żewġ pariri lill-istess Bord u r-risposti tal-Bord għall-ittra tal-Prim Ministru.
L-inkjesta kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda ħjiel ta' prova li seħħ l-intervent ta' xi politiku biex jiġi protett jew aġevolat xi ħadd li kien qed jiġi investigat mill-Pulizija.
Barra minn hekk, l-istess rapport ikkonkluda li l-Pulizija mexxiet l-investigazzjoni tagħha fil-konfront tat-tliet żgħażagħ b'mod korrett u gwidat mill-proċeduri legali applikabbli.
L-inkjesta li ġiet konkluża mill-Avukat John Vassallo, qalet ukoll li t-tliet żgħażagħ tressqu l-Qorti, bi tnejn minnhom jingħataw is-sentenza u l-ieħor b'każ pendenti.
Ir-rapport ikompli jgħid li ma jirriżulta li fl-ebda ħin ma nbidlet l-istqarrija ta' waħda mit-tliet żgħażagħ u li qatt ma saru laqgħat dwar dan il-każ, bejn il-Ministru Emmanuel Mallia u l-Ministru Anton Refalo.
Fl-ittra li l-Prim Ministru bagħat lill-Avukat Vassallo, talab parir dwar jekk il-Ministri involuti għandhomx jagħtu l-verżjoni tal-fatti tagħom wara l-konklużjoni tal-Inkjetsa u dwar jekk għandhomx jiġu ppublikati l-ismijiet tat-tliet żgħażagħ involuti fil-każ.
Fir-risposta tiegħu, l-Avukat Vassallo wieġeb li jkun f'waqtu li tinstema' l-verżjoni tal-fatti min-naħa tal-Ministru Mallia u l-Ministru Refalo. Mix-xhieda tagħhom, ma ħareġ xejn li seta' jbiddel il-konklużjonijiet tar-rapport hekk kif it-tnejn li huma kkonfermaw li qatt ma saret il-laqgħa li kienet allegata.
Dwar ix-xandir tal-ismjiet ta' dawk li dwarhom għaddejjin l-investigazzjonijiet u l-proċeduri legali, l-Avukat wieġeb li l-Bord ħass li kellhom jixxandru l-ismijiet biex tkun faċilitata r-riċerka għall-verità.
Il-PN isejjaħ ir-rapport bħala cover-up
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ il-konklużjoni tal-inkjesta bħala whitewashcover-up sħiħ, biex tgħatti dak li tassew ġara. 
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Bord ta’ Inkjesta mmexxi minn eks kandidat Laburista, lanqas biss kellu d-diċenza bażika jieħu x-xhieda ta’ nies li kellhom informazzjoni utli dwar il-każ, inkluż ix-xufiera tal-Ministri li allegatament indaħlu fil-każ, il-persuni nvoluti, il-Pulizija tal-iskorta, il-Pulizija nvoluti fl-investigazzjonijiet, lix-Shadow Minister Chris Said, kif ukoll il-filmati tal-kameras tas-sigurtà barra l-Ministeru t’Għawdex. 
Il-Partit Laburista jgħid li Simon Busuttil daħal fl-istat t'attakk
B'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-inkjesta indipendenti ma daqqitx għal widnejn Simon Busuttil u allura daħal fl-istat naturali tiegħu li jattakka lil min għamel l-inkjesta.
Il-Partit Laburista qal li f’dan il-pajjiż, meta ssir allegazzjoni għandha tiġi investigata u r-riżultat għandu jintlaqa’ irrespettivament jekk jogħġobx lill-Gvern jew lill-Oppożizzoni.
Minkejja li l-inkjesta ppublikata uriet li mhux minnu li seħħ xi intervent politiku, il-Partit Laburista qal li għax jaħseb li għandu d-dritt divin li jkun prosekutur, ġurat u Imħallef fl-istess ħin, il-Kap tal-Oppożizzjoni xorta se jibqa' jħammeġ u jattakka bl-iktar mod baxx.