Il-Ministru Mizzi ma jgħidx min kien fil-bord li għażel lill-Electrogas

Il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi rrifjuta li jgħid minn kienu l-persuni fil-bord li għażel lill-Electrogas biex tibni u tmexxi l-powerstation tal-gass f’Delimara.
Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Mizzi qal li l-informazzjoni mitluba hija waħda sensittiva għaliex “għandha valur kummerċjali”!
Il-Ministru għall-Enerġija sostna li l-pubblikazzjoni ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
L-għażla tal-Electrogas saret mill-Ministeru għall-Enerġija, dak iż-żmien immexxi mill-Ministru Konrad Mizzi, f’Ottubru 2013. Il-kumpannija hija magħmula minn tliet shareholders: il-kumpannija Ġermaniża Siemens Project Ventures GmbH, il-kumpannija mill-Ażerbajan SOCAR Trading SA u konsorzju ta’ kumpanniji Maltin, GEM Holdings Limited, li jgħaqqad lil Gasan Group Limited, Tumas Group of Companies Limited u l-Associated Drug Limited.