Il-bord kellu raġun jirrevoka l-libertà kundizzjonata ta’ priġunier – Ombudsman

Read in English.

Priġunier li kien qed jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u li qed jiskonta sentenza għal offiża serja, ħassu offiż meta l-bord tal-libertà kundizzjonata (parole) irrifjutat milli tħallieh joħroġ mill-ħabs qabel, anke jekk hu kien intitolat għal dan. Minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li l-bord tal-parole kellha ġustifikazzjoni għaliex tirrevoka d-dritt tiegħu għall-parole.

Skont l-aħħar edizzjoni tan-noti tal-każi investigati mill-Ombudsman, ir-resident ta’ Kordin qal li hu kien ingħata l-awtorizzazzjoni għal leave of absense mill-faċilità strettament taħt il-kundizzjonijiet tal-parole. Hu kellu l-istruzzjonijiet biex jaħdem fi knisja fil-Kalkara, iżda hu irrifjuta li jagħmel dan meta ntalab jagħmel xogħol li skontu kien ta’ periklu għalih minħabba korriment li kellu f’daru.

Jidher li hu kien falla wkoll milli jippreżenta ċertifikati mediċi li jiġġustifikaw ir-raġuni tiegħu, minkejja li hu kien żar tobba, l-isptar u klinika għal din ir-raġuni. Hu kien falla wkoll milli jissodisfa kundizzjoni oħra li jagħmel xogħol fil-komunità meta ntalab jagħmel dan f’santwarju tal-qtates. Dan minkejja li x-xogħol ma kienx wieħed ta’ strapazz.

Hu mbagħad kien talab lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga l-każ.

Il-proċeduri tal-libertà kkundizzjonata

Clerk tal-parole tal-faċilità korrettiva informa lill-Ombudsman li, meta resident ta’ Kordin ikun intitolat japplika għal-libertà kkundizzjonata taħt l-Att tal-Ġustizzja Restorattiva, hu jkun imkellem mill-parole clerk u jekk ikun interessat, ikun jista’ jimla’ l-formola għall-parole. Il-każ tiegħu mbagħad ikun referut lill-units relatati u jkun ippreparat rapport.

Ir-rapport imbagħad jgħaddi għand l-Offender Assessment Board għar-rakkomandazzjonijiet tagħha u l-każ imbagħad jitressaq quddiem il-bord.

F’dan il-każ partikolari, l-applikazzjoni kienet approvata fit-3 ta’ Novembru tal-2016. Fost il-kundizzjonijiet imposti għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest, il-priġunier kellu jagħmel 20 siegħa ta’ xogħol fil-komunità kull ġimgħa taħt id-direzzjoni tal-Parole Officer.

Il-bord kien infurmat li dan falla milli jagħmel ix-xogħol li ntalab jagħmel fil-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara u falla milli jagħmel xogħol ieħor fil-komunità li kien intalab jagħmel. B’hekk hu ma kienx qed jobdi d-direzzjoni tal-uffiċċjal.

L-uffiċjal li kien qed jinvestiga l-każ ikkonkluda li kien ċar li r-raġel ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel dak li kien intalab jagħmel u li ma kienx qed jikkopera mal-uffiċjal tal-libertà kkundizzjonata. B’hekk, il-bord iddeċidiet li tirrevoka l-liċenzja tal-parole u ordnat li jkun arrestat mill-ġdid biex ikompli jiskonta s-sentenza sat-tmiem tagħha.

L-Ombudsman kien tal-opinjoni li ma kienx hemm nuqqas min-naħa tal-amministrazzjoni jew xi żball fil-proċedura. Qal li l-bord kellha kull dritt li tirrevoka l-libertà kkundizzjonata.