Il-bniet għandhom bżonn edukazzjoni finanzjarja – Kunsill Nazzjonali tan-Nisa

Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa jrid li jiżdied l-għarfien dwar pensjonijiet fis-soċjetà, l-aktar fost il-bniet t'età żgħira.
Il-Kunsill appella, fi stqarrija, biex in-nisa jkunu konxji ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-qagħda finanzjarja tagħhom.
Ġie spjegat li fl-aħħar 10 snin, żdiedu n-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol regolari, imma l-medja tal-pensjoni li jirċievu n-nisa hi 39% iktar baxxa minn tal-irġiel.
Il-Kunsill qal li dan iseħħ minħabba d-differenzi fis-sigħat tax-xogħol u fir-rimunerazzjoni tan-nisa. Meta mara tieqaf biex tieħu ħsieb it-tfal jew qraba, ma tkunx ikkontribwixxiet bolla.
Issemma kif f'każ li tkun għaddiet minn separazzjoni, mara tkun fir-riskju ta’ faqar.
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa qed jorganizza taħdita “Il-Pensjonijiet u n-Nisa” minn Frank Micallef, eks Direttur tas-Sigurtà Soċjali nhar il-Ħamis, 31 ta' Lulju.
Iktar dettalji fuq 21 248881/21246982.