Il-bniedem jipproponi u t-temp jipposponi

Posposta l-missjoni ta’ SpaceX fl-ispazju minħabba l-maltemp

REUTERS/Joe Skipper

Read in English.

Il-maltemp spiċċa biex ħassar dak li kellu jkun mument storiku għall-kumpanija privata SpaceX u NASA nhar l-Erbgħa li għaddew. Id-diretturi tal-missjoni fi Florida, kienu mġiegħla jipposponu dik li kellha tkun l-ewwel titjira fl-ispazju għal astronawti Amerikani f’dawn l-aħħar disa’ snin.

Il-countdown kien wieħed mimli tensjoni hekk kif it-temp baqa’ l-ħin kollu jinbidel biex spiċċa twaqqaf 16-il minuta u 54 sekonda qabel ir-rocket SpaceX Falcon 9 kellu jitlaq biż-żewġ astronawti Doug Hurley u Bob Behnken fuq vjaġġ ta’ 19-il siegħa sal-Istazzjon Spazzjali Internazzjonali.

SpaceX issa se terġa’ tipprova bit-tieni attentat tagħha nhar is-Sibt wara nofsinhar bl-astronawti abbord il-kapsula ġdida Dragon Crew.

Il-preżenza ta’ diversi dinjitarji li ġew jassistu għal dan il-mument, fosthom il-President Donald Trump, il-Viċi President Mike Pence u l-Kap Eżekuttiv biljunarju ta’ SpaceX Elon Musk komplew iżidu l-pressjoni u t-tensjoni fil-Kennedy Space Center.

Fl-aħħar, f’sitwazzjoni fejn kien hemm ukoll is-sajjetti, SpaceX u NASA ddeċidew li jwaqqfu l-missjoni hekk kif ir-rocket kien għadu qed jimtela’ bil-fuel.