Il-bniedem għandu jwieġeb b’kuraġġ kontra l-mibegħda – il-President ta’ Malta

F’jum it-tifkira tal-Olokawst, f’ċerimonja fil-Palazz ta’ Verdala, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, insistiet li l-eżempju ta’ dak li ġara fil-kampijiet tal-konċentrament għandu jiġi mgħallem mill-ġdid lil kull ġenerazzjoni, biex il-bniedem iwieġeb b’kuraġġ u determinazzjoni kontra l-mibegħda.
Il-President ta’ Malta saħqet li ż-żerriegħa tal-mibegħda m’għandhiex titħalla tikber f’ħażen u l-bniedem għandu jħares lil min jiġi ppersegwitat.
Insistiet li l-ġenoċidju ma jseħħx f’kuntest iżolat imma hu parti minn proċess li jibda b’diskriminazzjoni, razziżmu, ksenofobija u mibegħda.
Fuq kollox, spjegat, iseħħ għax ħaddieħor jibża’ jitkellem u juri indifferenza lejn it-tbatija ta’ ħaddieħor.
Spjegat li l-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst hu rilevanti iktar minn qabel u jfakkar fil-ħtieġa li minflok l-esklużjoni, il-bniedem jagħti iktar importanza lill-paċi.