Il-bnadar fl-Italja mezzasta bħala sinjal ta’ luttu

B’sinjal ta’ rispett lill-vittmi kollha li mietu minħabba l-Coronavirus, b’turija ta’ solidarjetà mal-familjari tagħhom, hekk kif il-pajjiż kollu jinsab f’luttu mal-komunitajiet li l-aktar sofrew telf ta’ ħajja, l-Italja waqfet l-attivitajiet kollha llum f’nosfinhar.

Din l-inizjattiva nbdiet mis-sindki Taljani, imma entitajiet nazzjonali oħra ddeċidew li jipparteċipaw ukoll billi l-bnadar kollha ttajru mezzasta fuq il-binjiet pubbliċi madwar il-pajjiż. Is-sindki kollha fl-Italja ħarġu quddiem il-kunsilli lokali tagħhom, lebsin il-faxxa tricolore bi kburija, u osservaw ftit ħin ta’ silenzju bħala sinjal ta’ luttu u solidarjetà mal-komunitajiet kollha li sofrew tant telf minħabba din il-pandemija.

Anke l-Vatikan ipparteċipa f’din l-inizjattiva, b’turija ta’ solidarjetà mal-vittmi kollha fl-Italja u madwar id-dinja, mal-familjari tagħhom, u ma’ dawk kollha li qed jissagrifikaw ħajjithom fl-istabbilimenti tal-kura biex jiġġieldu kontra dan il-virus.

Is-sindki riedu li jfakkru lill-eluf li tilfu ħajjithom f’din il-gwerra silenzjuża, li mietu waħedhom mingħajr is-sostenn tal-familjari tagħhom, u li ma setax ikollhom funeral regolari. Din l-attività ġiet organizzata b’mod remot, f’osservanza tal-miżuri stretti li bħalissa huma fis-seħħ. 

Gianfranco Gafforelli kien dak li ħareġ bl-idea, bħala s-sindku ta’ Calcinate li jinsab fil-provinċja ta’ Bergamo, waħda miż-żoni li ntlaqtu l-agħar mill-CoVid-19 u fejn kien hemm l-akbar numru ta’ mwiet. Il-messaġġ kien propost lis-sindki kollha mill-president tal-Associazione Nazionale Comuni Italiani (Anci) Antonio De Caro, fejn stedinhom jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. 

De Caro kiteb, “Ilkoll għandna quddiem għajnejna din it-traġedja li bħalissa qed ikollha effetti devastanti fl-ibliet tal-Italja ta’ Fuq, u dan qed joħloq pressjoni fuq il-komunitajiet kollha tagħna. Bħal fil-każ ta’ emerġenzi nazzjonali oħra, aħna s-sindki, bħala rappreżentanti istituzzjonali li aħna l-eqreb taċ-ċittadini tagħna, nieħdu rwol ta’ mexxejja u nirrapprezentaw it-tħassib u d-dieqa ta’ kulħadd. Aħna għandna fuq spallejna r-responsabilità tal-komunità kollha.”

Għalhekk, De Caro sejjaħ lis-sindki kollha biex jipparteċipaw, “biex niftakru lill-vittmi kollha ta’ din it-traġedja globali, biex nonoraw is-sagrifiċċju u l-impenn ta’ dawk kollha li qed jaħdmu fil-kura tas-saħħa, biex nuru l-imħabba tagħna ma’ kulħadd, biex nappoġġjaw lil xulxin…”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn