Il-Blue Label tirbaħ id-Deheb fil-Brussels Beer Challenge 2017

Il-Blue Label Original Amber Ale, birra ta’ Simonds Farsons Cisk plc, għadha kemm ġiet ippremjata b’midalja tad-deheb fil-kategorija Pale & Amber Ale: Best Bitter tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Brussels Beer Challenge. Il-Blue Label Ale kisbet dan il-premju prestiġjuż wara li fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet kienet rebħet midalja tal-fidda.
Il-Blue Label, li reġgħet tnediet fis-suq is-sena l-oħra bħala parti mill-għażla tal-Farsons Classic Brews, hija birra b’lewn dehbi skur, mill-aktar iffermentata, magħmula mill-hops u mħallta ma’ tip ta’ xgħir speċjali li jtiha karatteristika unika, fina, u ħafifa fit-togħma tagħha.
Il-Brussels Beer Challenge, l-ewwel kompetizzjoni professjonali tal-birra fil-Belġju, kienet inizjattiva ta’ Becomev (Beer Communications & Events) taħt it-tmexxija ta’ Luc De Raedemaeker u Thomas Costenoble biex tilqa’ għall-interess dejjem jikber tal-kultura tal-birra. Din il-kompetizzjoni toffri opportunità unika lill-birrara minn madwar id-dinja biex jikkompetu mal-ifjen birer Belġjani.
Is-Sur Martin Polidano, Head Brewer ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal li, “Għalina dan il-premju impressjonanti li ksibna f’waħda mill-kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin tal-birra jfisser ħafna meta tqis li aħna birrerija żgħira indipendenti. Kburin ħafna li qed inżidu dan il-premju fil-lista twila ta’ premjijiet internazzjonali li ksibna u nifraħ lit-tim ta’ brewers tagħna li jaħdmu qatigħ biex niżguraw li nżommu l-kwalità u l-konsistenza fil-birer kollha tagħna.”