Il-Blue Christmas ta’ Elvis

Waqt il-ġranet tal-istaġun tal-Milied ma tgħaddix ġurnata li ma nisimgħux bil-White Christmas fuq il-mezzi tax-xandir. Fil-fatt il-kanzunetta White Christmas kantata minn Bing Crosby fl-1942 hija l-aktar waħda popolari għal dan iż-żmien. Iżda kien hemm kanzunetta li flok White Christmas kienet Blue Christmas li wkoll saret popolari, grazzi għal Elvis Presley li rrekordjaha fl-1957.

Il-kanzunetta bdiet ħajjitha fl-1948 b’kitba u b’kompożizzjoni ta’ Billy Hayes u Jay W. Johnson.  Maż-żmien kantawha wkoll diversi kantanti fosthom Patti LaBelle and the Bluebelles, The Beach Boys, Jon Bon Jovi u Michael Bublè.

L-ewwel li rrekordjaha kien Doye O’Dell. Is-sena ta’ wara rrekordjawha Ernest Tubb u l-orkestri ta’ Hugo Winterhalter u ta’ Russ Morgan. Dik ta’ Ernest Tubb  fl-1950 spiċċat fil-quċċata tal-aktar diska li ndaqqet fuq il-Juke Boxes.

Iżda kellu jkun Elvis Presley li taha l-istatus ta’ rock’n’roll classic meta rrekordjaha fuq l-LP tiegħu Elvis’ Christmas’ Album fl-1957. Blue Christmas kienet inkluża wkoll fl-Extended Play Elvis Sings Christmas Songs li kienet fuq Side 1 ma’ Santa Bring My Baby Back waqt li fuq Side B kien hemm Santa Claus is back in Town u I’ll be Home for Christmas.

L-ewwel darba li Blue Christmas inħarġet fuq single kienet fl-1964 meta fl-Ingilterra kienet telgħet sal-11-il post fuq is-singles charts matul il-ġimgħa tas-26 ta’ Diċembru.