​Il-blogg ta’ Daphne jagħlaq 10 snin; ifakkru l-memorja tagħha

Bħal-lum għaxar snin ilu l-ġurnalista investigattiva Maltija assassinata Daphne Caruana Galizia fetħet il-blogg tagħha u biex jitfakkar dan l-avveniment, il-grupp il-Kenniesa qed jorganizza vġili quddiem il-bini tal-Parlament.
Fi stqarrija, l-għaqda Reporters without Borders (RSF) qalet li permezz tal-blogg tagħha, Caruana Galizia saret waħda mill-personalitajiet ewlenin fil-midja. Qalet li Caruana Galizia saret magħrufa għall-iżvelar tal-kriminalità tal-Maltin sinjuri u b’saħħithom. L-RSF fakkret kif Caruana Galizia kienet qed tiffaċċja madwar 47 każ ta’ diffamazzjoni fil-Qorti sal-ġurnata tal-assassinju tagħha.
L-RSF qalet li se tkompli tenfasizza li ssir ġustizzja sħiħa fil-każ tal-ġurnalista assassinata. Saħqet li dawk kollha li kienu b’xi mod involuti fl-ippjanar tal-assassinju għandhom jiġu identifikati u mressqin il-Qorti.
Il-Kap tat-Taqsima tar-Renju Unit tal-RSF Rebecca Vincent tinsab Malta fejn mistennija tattendi għall-vġili li se ssir illejla. L-RSF qalet ukoll li Vincent attendiet għal numru ta’ seduti fil-Qorti lbieraħ li kienu infetħu kontra Caruana Galizia. Dawn il-kawżi ta’ libell kienu jinkludu kawżi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri,mill-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud,  mill-Kap taċ-CHOGM 2015 Task Force Phylis Muscat, u min-negozjant Silvio Debono.
Fit-2 ta’ Marzu 2008, Daphne kienet kitbet l-ewwel blog post tagħha bit-titlu Zero tolerance for corruption”.  Fiha tkellmet dwar korruzzjoni fil-Gvern li kien immexxi mill-Partit Laburista, problemi fil-Pulizija, l-eks Prim Ministru Alfred Sant, u l-Alternattiva Demokratika (AD) fost l-oħrajn.
Il-vġili tal-lum se ssir quddiem il-bini tal-Parlament fis-6:00pm.