“Il-Black Friday f’Malta aktar popolari mill-Milied”

Kelliema ta’ stabbilmenti f'Malta li nhar il-Ġimgħa qaċċtu prezzijiet għall-hekk imsejjaħ Black Friday qalu li dal-jum sar aktar kummerċjabbli minn offerti li jsiru fi żmien il-Milied, ngħidu aħna lejlet il-Milied jew l-aħħar Ħadd tas-sena.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ operaturi li jbigħu podotti elettroniċi, kif ukoll ma’ stabbilment tal-ħwejjeġ, li flimkien jiffurmaw uħud mill-aktar prodotti li jinbiegħu fi skonti simili.
Kull entità kkuntattjata tkellmet dwar iż-żieda fl-ammont ta’ nies li kkonkorrew, bl-istabbilment jew ħanut jibqa’ mbullat nies mit-8am sad-9pm.
Il-Black Friday strettament huwa l-għada ta’ Jum Radd il-Ħajr, inkella Thanksgiving Day, bl-Ingliż, u jiġi ċċelebrat fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru fl-Istati Uniti.
Għalkemm l-istabbilmenti u l-ħwienet li Newsbook.com.mt tkellem magħhom firdu l-Black Friday mill-iskonti ta’ jiem il-Milied, hemm relazzjoni bejniethom, hekk kif fl-Istati Uniti l-Black Friday ilu jimmarka l-bidu tal-istaġun festiv tal-Milied mill-1952.
Fil-fatt dal-jum ilu jiġi rreġistrat l-aktar wieħed imħabbat fl-Istati Uniti sa mill-2005.
Sadanittant, stabbilment partikulari tal-prodotti elettroniċi, qal li hu kien minn tal-ewwel li introduċa din it-tradizzjoni fil-pajjiż madwar 3 snin ilu, u kull sena ra żieda sostanzjali fil-bejgħ, u dis-sena partikulari l-bejgħ qabeż dak li normalment jirreġistra fil-jiem tal-Milied, meya wkoll joffri skontijiet tajbin.
Stabbilment ieħor qal li n-nies l-aktar li waqgħu kien filgħodu, speċifikament qabel dak li jkun jibqa’ sejjer ix-xogħol.
Dan l-istess ħanut żamm rekord tal-attività f'dal-jum, u qalilna li kellu bejgħ erba' darbiet aktar minn kemm normalment ikollu s-Sibt, li hi l-aktar ġurnata qawwija għan-negozju, filwaqt li kellu erba' darbiet aktar ukoll nies li żaru l-istabbilment.
Il-"Black Friday" u l-linka sewda u ħamra li kienet tintuża fil-Ħamsinijiet 
Wieħed jista’ jsaqsi mnejn ġejja l-frażi…irridu nirringrazzjaw lil min iħaddem li f’ġurnal Anerikan tal-1951 iddeskrivew bħala l-Ġimgħa l-Iswed dal-jum, minħabba l-ammont ta’ ħaddiema li ħaduha liv jew sick biex igawdu erbat ijiem ’il bogħod mill-fabbrika.
Iżda l-użu speċifiku ta’ black ġej mill-fatt li fil-kotba tal-kontijiet, kienet prassi li min iħaddem jikteb numri bl-aħmar meta jkollu telf, u bl-iswed meta jkollu qligħ.
Ladarba dil-ġurnata kienet timmarka l-bidu tal-istaġun tal-qligħ, mela l-linka użata kienet l-iswed mela…Black Friday.
Ritratt: Scan Malta