Il-biża’ aktar qalil mill-coronavirus – Mons. Grech

Raymond Grech

Read in English.

Il-virus tal-biża’ huwa aktar qalil mill-coronavirus, skont l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex Mario Grech.

Mons. Grech qal dan fl-omelija tiegħu llum fil-Festa ta’ San Girgor f’Ta’ Kerċem.

Fetaħ l-omelija billi qal li din is-sena qed tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Papa San Girgor meta s-soċjetà assolutament m’għandhiex spirtu ta’ festa għax hija mħassba dwar il-coronavirus.

“Filwaqt li għandna nevitaw kull għamla ta’ allarmiżmu u paniku, ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem il-biża’ li qed jipparalizza l-ħajja. Importanti li noqogħdu għad-direttivi li jagħtuna l-Awtoritajiet tas-Saħħa ta’ pajjiżna. Mingħajr ma nnaqqsu xejn mill-gravità tas-sitwazzjoni, huwa fatt li l-biża’ li hawn sar tal-biża’: biża’ li qed ibejjet is-suspetti f’xulxin u jimbuttana biex ningħalqu f’individwaliżmu. Il-virus tal-biża’ huwa aktar qalil mill-virus bijoloġiku!”

Mons. Grech fakkar li San Girgor laħaq Papa meta Ruma kienet maħkuma mill-pesta u ħeġġeġ u mexxa lill-Knisja fit-talb u l-penitenza biex Alla jieqaf ma’ dawk li ntlaqtu mill-marda.

“San Girgor jgħidilna li l-mod kif Alla jagħmel lilu nnifsu preżenti fl-istorja tagħna mhuwiex dejjem daqshekk ċar. Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġa,” qal Mons. Grech. Żied jgħid li San Girgor jispjega li xi drabi t-traġedji jafu jibagħtu messaġġi ambigwi.

“San Girgor jisħaq li l-moħħ tal-bniedem qatt ma jista’ jagħti tifsira tat-tbatija; anqas u anqas ma jista’ jibbenefika minn xi ħaġa li hija ħażina. Barra minn hekk, fuq livell uman ħadd ma jista’ jasal għand Alla minn toroq imwegħrin u diffiċli bħalma huwa l-mard, it-tbatija, u l-bqija. Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi negattivi wieħed jista’ jara xaqq ta’ dawl biss jekk il-ħarsa tiegħu tistrieħ fuq Alla. Għax meta wieħed jintelaq f’dirgħajn Alla, huwa jikseb dawl li għandu l-ħila jixgħel id-dlam,” qal Mons. Grech.

Mons. Grech awgura biex dawk preżenti jerġgħu jiskopru l-ġmiel tat-talb ċkejken bħall-Angelus u t-talba ta’ qabel u wara l-ikel.