Il-Birrerija Bavaria l-aqwa negozju tal-familja fid-dinja

Bavaria Brewery, waħda mill-aktar kumpaniji privati li ilha mwaqqfa fl-Olanda, kienet ippremjata bl-IMD-Lombard Odier Global Family Business Award, f’għeluq l-20 edizzjoni fis-26 Summit tal-Family Business Network International f'Montreux, fl-Iżvizzera.
Dan il-premju, li jingħata mill-IMD, li hija fost l-aqwa skejjel fid-dinja li tispeċjalizza fil-qasam tan-negozju, u minn Lombard Odier, Bank privat ewlieni fl-Ewropa, hu meqjus minn ħafna bħala l-aktar premju ta' prestiġju għas-suċċess fin-negozji tal-familja. Jirrikonoxxi l-mod kif dawn il-kumpaniji jgħaqqdu l-interessi tal-familja ma' dawk tan-negozju u jlaqqgħu t-tradizzjoni mal-innovazzjoni filwaqt li juru impenn ċar lejn il-komunità lokali.
Bavaria, rappreżentata f'Malta mill-BeerHouse Ltd bid-distribuzzjoni f'idejn il-GSD Marketing Ltd, hi t-tieni l-akbar birrerija fl-Olanda li twaqqfet fl-1680 u li ilha mmexxija u f'idejn il-familja Swinkels sa mill-1764.
Bħala kumpanija dinjija li tagħmel il-birra, il-kumpanija hi fis-seba' ġenerazzjoni tal-familja. Fl-2014 irreġistrat dħul ta' $503.9 miljun, tinsab f'aktar minn 120 pajjiż u timpjega madwar 1,000 persuna.
It-trofew ta' dan il-premju hu magħmul bi stil, mill-kristal fil-forma ta' siġra – simbolu ta' negozji tal-familja. Dan kien ingħata b'donazzjoni f'ġest ta' ġenerożità mill-familja Scheufele minn Chopard, u nħadem f'Ġinevra – eżempju ieħor ta' negozju ta' familja li kien suċċess fl-arena dinjija.